Opinjoni

OPINJONI: Pedamenti sodi

Piero Melograni

Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkulturali

F’dawn l-aħħar jiem, inparti wkoll b’dak li għaddej ġie lura għad-dibattitu pubbliku l-fatt li naqas it-twelid f’pajjiżna. Inżilna ’l isfel fl-istatistika u hemm min qiegħed jinkwieta ruħu dwar dan. Diversi jistaqsu għala. Il-gvernijiet, tagħna wkoll qed jfittxu soluzzjoni fil-flus. Irid f’dan jingħad li wara snin fejn ma kellniex pożizzjoni llum jidher li hemm waħda. Dik li tagħti benefiċċji finanzjarji akbar u b’hekk tixħet fuq il-genituri, l-iktar il-mara, sabiex ikollna statistika differenti. M’hemmx biżżejjed studju ċara u wisq anqas ma hemm neċessarjament logika f’dan. L-istorja qed turina anzi li soluzzjonijiet materjalistiċi mhumiex daqshekk effettivi daqskemm wieħed jaħseb. Ħaġa ma ġġibx oħra, iktar flus ma jġibux aktar ulied.

Piero Melograni
(1930-2012)
F’dan sibtni naqra kitbet dan l-istoriku mill-iktar interessanti. Punti li fihom forsi parti mill-ispjegazzjoni għala hemm inqas tfal li qed jitwieldu. Fil-ktieb tiegħu “Saggio sui Potenti.”(1977) sibt din s-silta; “L’industria ha consentito di accumulare ricchezze enormi e ha fatto crescere rapidamente salari reali e consumi. Nelle societa’ industrializzate la mortalita’ infantile e’ diminuita, le grandi epidemie sono scomparse, la vita media si e’ allungata. Tutto cio’ ha contribuito a modificare l’idea della vita e della morte, della religione e della politica.” (L-industrija ppermettiet li jinġemgħu sinjurini kbar u kabbar malajr l-pagi veri u l-infiq.
Fis-soċjetà industrijalizzata il-mortalità infantili naqset, l-epidemiji sparixxew, il-ħajja tal-bniedem twalet. Dan kollu għen biex jibdlu l-ħsieb dwar il-ħajja u l-mewt, r-reliġjon u l-politika).

Ir-Revoluzzjoni Industrijali
Għandu f’dan wieħed jaċċetta li waħda mill-effetti tal-industrijalizzazzjoni ta’ soċjetajiet bħal tagħna ġiebu din il-konsegwenza? Jew kienx hemm fatturi oħra magħha jew indipendenti minnha li trabbew u eżerċitaw l-influwenza tagħhom f’dinja fejn ma aħniex dejjem ċerti li l-mentalità tal-ħaddiem inbidlet minn kif kienet qabel? F’kemm ma bqajniex waħda li hija rurali, agrikola fil-kultura ekonomika u li ċċaqilqet għall-pożizzjonijiet oħra. Studji varji saru u l-verità hija wkoll li l-influwenza tal-industrija mhix lokalizzata f’perijodu partikolari. Hemm fażijiet varji sija fit-tip ta’ industrija kif ukoll fil-ġenerazzjonijiet li nqatgħu aktar mill-art. Inbidlu l-influwenzi u magħhom r-reazzjonijiet għalihom. Aktar u aktar f’dawn l-aħħar tletin sena fejn il-politika dikjarata tal-gvernijiet oċċidentali kienet li jġibu aktar nisa jaħdmu. Jitolbu aktar mill-mara u jaqtgħuha mill-pożizzjoni li kellha preċedentement. F’kunċett ukoll li l-produzzjoni ekonomika tikber jekk ikun hemm aktar nisa jaħdmu. Ma’ dan il-kultura li l-persuna waħedha tgħodd f’kemm għandha drittijiet u mhux f’kemm hemm ukoll doveri. Wasalna llum b’konsegwenza ta’ dak kollu li b’xi mod ġie deċiż qabel. Imma x’soluzzjoni hemm għalina f’dan kollu? Kif nistgħu nibdlu r-rotta dejjem jekk nistgħu, jitlob aktar attenzjoni minn flus jew ġeneralizzazzjonijiet?

Cash for kids
Is-sena li għaddiet f’The Economist tal-25 ta’ Mejju 2024 l-editorjal prinċipali fetaħ b’dan it-titlu. Fih inkiteb hekk minn dawk li l-industrija jsostnuha sew: “Baby-boosting policies won’t work. Economics must adapt to baby busts instead. As birth rates plunge, many politicians want to pour money into policies that might lead women to have more babies.” (Li l-Istat jaqbad politika li jonfoq iktar biex iħajjar mhux ser taħdem. L-ekonomija trid tadatta ruħha mal-fatt li ser ikun hemm inqas twelid. Kif qed jonqsu l-ulied, ħafna politiċi jridu jħallsu aktar fil-politika tagħhom sabiex iħajru nisa sabiex jkollhom aktar ulied.) L-argument prinċipali tagħhom huwa li l-gvernijiet ma jistgħux jibdlu dan il-proċess b’iktar flus. Ċertament għalihom fl-industrija b’aktar infiq fin-nefqa nazzjonali, ma jwassalx fejn jaħsbu l-politici.

L-analiżi
F’dan jingħad minnhom aktar hekk: “However, Governments are wrong to think it within their power to boost fertility rates. For one thing, such policies are founded on a false diagnosis of what has so far caused demographic decline. For another, they could cost more than the problems they are designed to solve.” (Imma, l-gvernijiet huma żbaljati li jaħsbu li huma fil-kapaċità statali tagħhom li jżidu t-twelid. Ibda mill-fatt li din il-politika hija bbażata fuq dijanjosi falza ta’ dak li kkawża sa issa dan it-tnaqqqis demografiku. Fuq in-naħa l-oħra, jistgħu jiġu jiswew aktar mill-problemi stess li qed jipprova jsolvu.) Argumenti li wieħed irid jikkonċedi sa ċertu punt, fis-sens li sa issa għadna ma aħniex naraw biżżejjed politika bbażata fuq studji li jippruvaw il-punt. Dik il-prova li b’aktar flus ser ikun hemm min jitħajjar ikollu aktar ulied, inkella l-kontra tagħha.

Fil-libertà
F’dan aktar ċertament kif ikomplu jgħidu “The decision to have children is a personal one and should stay that way.” (id-deciżjoni sabiex wieħed ikollu l-ulied hija waħda personali u hekk għandha tibqa’.) Imma f’dan xorta huwa utli li wieħed jifhem aħjar is-soċjetà tagħna u għala qegħdin niddibattu llum dan il-punt. F’dan wieħed jrid jibni aktar ’il quddiem. Hemm sfida għalina lkoll u trid soluzzjoni vera u sħiha. Waħda li hija bbażata aktar sew fuq xjenza u analiżi. Dik li tista’ tkun aktar ta’ gwida bħal dak li ġie ppreżentat f’teżi reċenti ta’ Glenn Anthony Falzon “Malta’s low fertility rate: The implications for the political economy of the smallest EU State”. Fejn hemm sforz komprensiv ħafna u gwida lejn direzzjonijiet.

Kif tindirizza
F’dan aktar qrajt reċentement numru ta’ artikli fuq is-suġġett iktar u iktar meta fid-diskors tal-Baġit kien hemm din l-isfida indikata. Il-Ministru tal-Finanzi għaraf din l-isfida mingħajr verament soluzzjoni. Huwa kien iddikjara tajjeb: “Ikoll naqblu li s-soluzzjonijiet biex il-familji jlaħħqu mat-trobbija ta’ wliedhom jew saħansitra biex ikollhom aktar ulied, huma varji. L-ebda miżura waħedha ma tista’ tindirizza l-isfidi kollha. Iżda nisġa ta’ diversi miżuri li jkunu effikaċi jistgħu jħallu impatt pożittiv fuq il-familja.” Punt li għandna naqblu fuqu. Biss dan kien forsi mhux fil-post propizju fis-sens li kien introduzzjoni sabiex jiġi dikjarat li ser titnaqqas it-taxxa fuq il-familji. Punt tajjeb u kontinwità imma mhuwiex ser iġib żieda fit-twelid. Dan għax kif naraw fid-dinja u kif jingħadu studji varji hemm bżonn iktar minn flus.

Appell favur il-familja
Hemm appelli varji li qed isiru sabiex din il-pożizzjoni tingħata aktar attenzjoni vera u sħiħa. L-iktar reċenti dik tal-14 ta’ Ottubru 2025 tal-Papa Ljun XIV li talab li jkun hemm dak kollu possibbli biex familji jingħataw il-fiduċja biex iħarsu b’serenità lejn il-futur. F’dan ċertament hemm bżonn naraw jekk f’dawn is-snin mertu wkoll fost oħrajn tal-effetti varji tar-revoluzzjoni industrijali għamilniex politika li tmur kontra l-valur tal-familja. Ma għadhiex moda u anzi ma għadhiex parti sħiħa mill-politika nazzjonali tagħna. Għalkemm nifhem il-pożizzjoni tal-Gvern illum xorta m’hemmx fil-qalba politika li titwieled mill-bżonn li tipproteġġiha.

Bidliet
Dik il-politika li jinsab ukoll f’dik li tista’ tifhem fuq naħa li biex nimxu trid ukoll tibdel, taġġusta u wkoll tmur kontra dak li wettqet f’dan is-snin tiegħu. Imma hemm bżonn aktar. Hemm bżonn li jkollna “nisġa ta’ diversi miżuri” li kull studju jistgħu jgħaddu. Gvern differenti mmexxi mill-Partit Nazzjonalista jrid jifhem li din hija okkażjoni sabiex jafferma lilu nnifsu. B’aktar riflessjoni u b’kuraġġ sabiex tinbidel id-direzzjoni fil-futur. Imma dawn jistgħu jimxu ’l quddiem jekk ma jibqgħux ispirati minn prinċipji etiċi materjalisti. Iżda f’dawk li jagħrfu u jirrikonoxxu li huwa fl-interess sħiħ tal-Istat li l-familja trid tiġi protetta u kultivata. Politika li tibda mill-ħarsien tal-familja u wara tal-Istat. Jekk dan isir naħseb li jkunu qed jitqiegħdu ferm aħjar pedamenti sodi veri milli s’issa kellna.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta  2  ta’ Diċembru, 2025.