Lokali Qorti

Sewwieq mhux ħati ta’ feriti gravi f’inċident tat-traffiku fis-Salini wara li l-Pulizija naqsu li jagħtuh it-twissija

David Grech, raġel ta’ 36 sena residenti n-Naxxar, ġie meħlus mill-akkużi kollha wara li l-Qorti ma sabitux responsabbli la għal sewqan perikoluż, la għall-kawża ta’ ġrieħi gravi involontarji fuq sewwieq ieħor u lanqas għall-ħsarat ikkawżati lil tliet vetturi minħabba sewqan negliġenti.

L-akkużi kienu jirriżultaw minn inċident tat-traffiku li seħħ fil-ħinijiet ta’ filgħodu tat-30 ta’ Ġunju 2021 fi Triq is-Salini, fin-Naxxar. Is-sewwieq tal-Ford Fiesta rrakkonta li kien wieqaf fit-traffiku meta ħass impatt f’daqqa minn wara; il-karozza tiegħu kienet milquta minn Alfa Romeo li kienet diġà ntlaqtet mill-Opel Astra li kien qed isuq Grech. Dan ix-xhud ma sofra l-ebda ġrieħi u mar għax-xogħol.

Il-vittma, li kien qed isuq l-Alfa Romeo, iddeskriva impatt qawwi ħafna. Huwa qal li kien wieqaf fil-kju tar-roundabout żgħir tas-Salina u, waqt li kien kemxejn mġenneb lejn il-lemin biex jara aħjar is-sitwazzjoni tat-traffiku, u li spiċċa inqaleb ’il quddiem b’mod vjolenti wara li ntlaqat minn wara.

L-impatt ikkawżalu probemi fir-ras u fl-għonq, aggravati mill-pożizzjoni li kien fiha, u kellu jiġi estratt mill-vettura, immobilizzat fuq spinal board u meħud l-isptar, fejn qatta’ tliet ijiem rikoverat, jumejn minnhom fl-ITU.

L-uffiċjali tad-distrett u tat-traffiku taw ix-xhieda tagħhom permezz ta’ affidavits, u l-Ispettur Andrew Agius Bonello spjega li meta wasal fuq il-post sab tliet vetturi nvoluti f’kollizzjoni katina u lill-vittma ttieħdet l-isptar b’ġrieħi potenzjalment ta’ theddida għall-ħajja.

Fl-istqarrija tiegħu, Grech ammetta li kien qed isuq l-Opel Astra u li ħabat fil-karozza ta’ quddiemu, iżda qal li l-inċident ġie kkawżat minn dawl tax-xemx qawwi f’għajnejh kif ukoll attakk ta’ għatis minħabba allerġija tas-sajf. Insista li kien miexi bil-mod u li ma laħaqx iwaqqaf il-vettura meta dik ta’ quddiem waqfet f’daqqa.

Mill-affidavits tal-pulizija rriżulta li Grech ma kienx ġie informat kif jixraq bid-dritt tiegħu li jibqa’ sieket u lanqas ingħata d-dritt jikkonsulta jew ikollu l-assistenza ta’ avukat qabel ma ġie mistoqsi. Dan wassal biex il-kawża tal-prosekuzzjoni ma setgħetx tistrieħ fuq evidenza li nkisbet bi ksur tad-drittijiet kostituzzjonali tiegħu.

Il-Qorti fakkret ukoll li n-negliġenza kriminali trid tiġi ppruvata lil hinn minn kull dubju raġonevoli u li r-responsabbiltà tqum biss meta l-imġiba tal-akkużat tiddevja b’mod ċar mill-istandard ta’ sewwieq prudenti.

Ladarba l-istqarrija tal-akkużat tneħħiet mill-provi, il-prosekuzzjoni ma kellhiex evidenza indipendenti u ammissibbli li tistabbilixxi l-livell ta’ negliġenza meħtieġ għall-ħtija kriminali, ksur tar-regolamenti tat-traffiku jew kawża diretta li tilħaq il-livell kriminali.

Fuq din il-bażi, il-Qorti kkonkludiet li ma setgħetx tissodisfa l-istandard tal-prova rikjest fil-liġi kriminali u għalhekk ma setgħetx tikkonferma l-ebda waħda mill-akkużi. David Grech ġie ddikjarat mhux ħati u meħlus minn kull akkuża. Il-kawża nstemgħet quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace.