Raġel ta’ 32 sena minn Ħaż-Żabbar – li huwa suldat tressaq il-Qorti b’ċitazzjoni mixli bil-qtil involontarju ta’ Andrea Alamango ta’ 28 sena f’ħabta bejn żewġ muturi. Alamango (ritratt) kien tilef ħajtu wara li kien involut f’ħabta fuq il-Kappara Flyover f’Marzu tal-2022.
Marvin Buhagiar, li qed jiġi akkużat ukoll li kkawża ħsara involontarja lill-mutur tal-vittma, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Il-ħabta fatali kienet seħħet fil-15 ta’ Marzu 2022, għall-ħabta tal-11pm, meta żewġ muturi tat-tip Suzuki GSXR600 kienu involuti f’inċident fi Triq Mikiel Anton Vassalli.
Iż-żewġ sewwieqa – Alamango u Buhagiar – kienu ttieħdu l-isptar Mater Dei, iżda Alamango miet ftit sigħat wara minħabba l-ġrieħi gravi li sofra, filwaqt li Buhagiar weġġa’ ħafif. Il-Qorti semgħet ix-xhieda ta’ diversi uffiċjali tal-pulizija li marru fuq il-post tal-inċident.
Is-Surġent Sandro Mangion xehed li xhud li kien fuq mutur ra l-inċident iseħħ permezz tal-mera tal-vettura tiegħu. Ix-xhud spjega kif wieħed mis-sewwieqa daħal fil-karreġġjata ta’ barra u laqat lill-ieħor min-naħa, b’mod li t-tnejn ittajru ’l barra mill-muturi tagħhom.
L-Ispettur Dylan Pace, li dak iż-żmien kien kunstabbli, qal li rċieva telefonata mill-Control Room għall-ħabta tal-11:30pm. L-uffiċjali marru fuq il-post, imblukkaw iz-zona u kkonfermaw li ż-żewġt irġiel diġà kienu ttieħdu l-isptar.
L-uffiċjali rrappurtaw li sabu għadira kbira ta’ demm ħdejn il-barriers tat-triq, kif ukoll marki twal ta’ skiddjar fuq l-asfalt. Iż-żewġ muturi nstabu mal-art, b’dak ta’ Alamango misjub madwar 100 metru ’l bogħod mill-punt tal-impatt, wara li tkaxkar tul it-triq.
Il-Qorti tat deċiżjoni prima facie, li ma ġietx oġġezzjonata mid-difiża.
Is-seduta ġiet aġġornata għas-7 ta’ Jannar f’nofsinhar. Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Ian Azzopardi u l-avukat tal-Avukat Ġenerali Darlene Grima mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Buhagiar kien assistit mid-difiża tiegħu, l-avukati Franco Debono u Francesca Zarb. Il-kawża saret quddiem il-Maġistrat Monica Vella.
//= $special ?>

