Il-President Russu Vladimir Putin se jiltaqa’ mar-Rappreżentant Speċjali tal-Istati Uniti, Steve Witkoff it-Tlieta, f’dak li Washington jiddeskrivi bħala pass ta’ tama lejn it-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna.
Jared Kushner, konsulent fl-isforzi diplomatiċi riċenti ukoll huwa mistenni li jipparteċipa f’dawn it-taħditiet.
Din il-laqgħa se tkun qed issir propju wara jumejn ta’ negozjati fi Florida bejn uffiċjali Ukreni u Amerikani, fejn ġiet diskussa proposta ta’ paċi riveduta appoġġjata mill-Istati Uniti.
Il-President Ukren Volodymyr Zelensky sejjaħ it-taħditiet “kostruttivi” iżda fl-istess waqt saħaq li diversi kwistjonijiet diffiċli għadhom mhux solvuti.
Is-Segretarju tal-Istampa tal-White House, Karoline Leavitt, qalet li l-abbozz tal-ftehim ġie “rfinat” u li l-amministrazzjoni ħassitha “ottimista ħafna.”
Il-mexxejja Ewropej, inkluż il-President Franċiż Emmanuel Macron, enfasizzaw li kull pjan ta’ paċi finali għandu jinvolvi kemm l-Ewropa kif ukoll l-Ukrajna. Macron osserva li d-deċiżjonijiet dwar garanziji ta’ sigurtà, assi Russi ffriżati, u l-aspirazzjonijiet tal-Ukrajna fl-UE ma jistgħux jittieħdu mingħajr il-parteċipazzjoni Ewropea.


