Lokali

WARA L-KAŻ TA’ PEMBROKE: Appell biex ikun hemm youth workers integrati fl-iskejjel

L-Assoċjazzjoni tal-Youth Workers appellat sabiex fl-iskejjel u f’ċertu hubs ikun hemm youth workers professjonali. Dan sabiex tissaħħaħ il-prevenzjoni u jkun hemm intervent kmieni f’każ ta’ sitwazzjonijiet problematiċi.

L-Assoċjazzjoni wasslet dan l-appell fid-dawl tal-każ li seħħ din il-ġimgħa fl-iskola ta’ Pembroke, fejn żewġ studenti ġġieldu fuq sempliċi mobile.

Il-Youth Workers qed jappellaw biex fl-iskejjel ikun hemm placement ta’ persuni professjonisti, u tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-familji, l-organizzazjonijiet taż-żgħażagħ, is-servizzi ta’ saħħa mentali u l-iskejjel infushom.

“Il-youth workers ma jissostwixxux l-għalliema jew il-Pulizija – iżda jikkumplimentawhom”, tgħid l-istqarrija.

Intant, l-Assoċjazzjoni estendiet is-solidarjetà tagħha mal-istudenti affetwati mill-każ ta’ Pembroke kif ukoll il-familji u l-edukaturi.