Lokali

Alex Borg jitlob għar-riżenja tal-Ministru Roderick Galdes

“Kulħadd jaf kemm tiswa’ l-propjeta llum il-ġurnata u n-nies żgur jafu li mhux se jsibu duplex bl-arja, bil-jacuzzi u bil-garage ….għall-prezz ta’ 140,000 ewro.”

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-PN fejn sejjaħ għar-riżenja tal-Ministru Roderick Galdes.

U f’ċirkostanzi fejn ma jaċċettax li jirriżenja, il-Prim Ministru għandu jieħu l-passi neċessarji biex ineħħih mil-Kabinett.

Alex Borg tenna li hemm żewġ stejjer xokkani li wasslu għal din it-talba għar-riżenja tal-Ministru Roderick Galdes.

L-ewwel waħda hi dik fejn l-eks chairperson ta’ Malita Investment, l-eks MEP Laburista Marlene Mizzi, allegat li kien hemm indħil politiku mill-Ministru Roderick Galdes, u li kien qrib tal-kuntratturi.

Kummenti li wasslu lill-istess Ministru sabiex neħħiha.

Il-Kap tal-PN kompla jispjega kif ftit wara, irriżenja anke Johann Farrugia ic-Chairperson ta’ wara Marlene Mizzi. U sallum il-ġurnata ħadd ma jaf ir-raġuni għaliex irriżenja.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg imbagħad irrefera għall-każ serjissimu fejn il-Ministru Roderick Galdes, din is-sena stess iffirma kuntratt għal penthouse f’Ħal Gelmus mill-istess żviluppaturi li fl-2024 hadu 27 miljun f’kuntratti mill-Housing Authority – li jfisser ‘l fuq minn 100 appartament.

Fid-dawl ta’ dan kollu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg irrefera għall-istatistika li ħarġet ftit tal-jiem ilu li uriet kif il-prezz medju ta’ penthouse madwar Malta u Għawdex huwa ta’ nofs miljun ewro.

Alex Borg, temm billi spjega illi dan kollu huwa parti mis-saga ta’ skandli li rajna quddiem għajnejna fl-aħħar snin. U dan qed juri biċ-ċar nuqqas ta’ governanza u n-nuqqas ta’ trasparenza minn naħa tal-gvern ta’ Robert Abela – waqt li ċ-ċittadini jibqgħu ibatu biex jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom.