Lokali

Il-Fact Checker tat-Times jikkonferma li l-penthouse ta’ Galdes inxtrat b’valur inqas minn dak tas-suq

Fl-2021, Penthouse simili għal din li xtara l-Ministru Roderick Galdes mingħand Joseph Portelli kienet iġġib prezz fis-suq ta’ €160,000 – mingħajr garage.

Dan kien konfermat mill-analiżi dettaljata li permezz tal-Fact Checker tat-Times of Malta, fejn ħareġ ċar li Galdes gawda minn deal tajjeb ħafna. Tant li akkwista din il-penthouse għal prezz li hu €20,000 irħas minn dak li normalment kien jintalab erba’ snin ilu.

Il-Fact Checker jikkonkludi li l-prezz li ħallas il-Ministru kien “cheap” kumparat ma’ proprjetajiet simili. U apparti minn hekk, intqal li l-prezz li wieħed kien iħallas fl-2021 għal penthouse ta’ €160,000 ma kienx jinkludi garage, kif għandu Galdes f’Ħal Gelmus.

Fi tmiem il-ġimgħa ħarġet l-aħbar li Roderick Galdes kien akkwista din il-penthouse b’garage għal €140,000. Il-post inxtara mingħand il-kumpanija Excel – li imbgħad sar magħruf li ħadu kuntratti kbar mingħand il-Housing Authority.

L-awtorità minn naħa tagħha ma tridx turi kemm qed jinħarġu flus għal dawn il-kuntratti li jafu jlaħħqu miljuni kbar ta’ ewro. Fil-fatt, il-Housing – li taqa’ direttament taħt Roderick Galdes – ċaħdet it-talba ta’ TheShiftNews biex jingħata aċċess għall-kuntratti u jkun hemm trasparenza.