F’ruling mogħti fis-seduta parlamentari tal-bieraħ l-Ispeaker Anġlu Farrugia sostna li l-ġurnalist tal-One ma kellux jibqa’ jimxi wara d-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg meta dan kien dieħel il-Parlament.
Albert Buttigieg qal fil-Parlament li dan il-każ kien jammonta għal harasment fuqu.
Is-Sedja qalet li biex ikun hemm harassment, irid ikun hemm ‘course of conduct’ u mhux episodju singolu. L-ilment imqajjem minn Albert Buttigieg huwa episodju singolu u għalhekk is-Sedja ma tarax li hemm każ ta’ harassment kif allegat minn Albert Buttigieg, anzi min-naħa l-oħra jidher ċar li kien qed juża jdejh biex iwarrab lill-istess ġurnalist li kien viċin ħafna tiegħu.
Ċertament il-ġurnalist, wara li għamel id-domanda għal darba, darbtejn, kellu jiddesisti milli jkompli jimxi wara l-istess Membru u jkompli jagħmel l-istess domanda, xi ħaġa li dan il-ġurnalist ma għamilx, sostna l-Ispeaker.
Fir-ruling l-Ispeaker qal li jidher ċar li dan huwa każ fejn il-ġurnalist kellu kull dritt jagħmel domanda u l-Membru Parlamentari kellu kull dritt jagħżel li ma jweġibx; f’dan il-każ Albert Buttigieg għal darba, darbtejn għażel li ma jweġibx u għaldaqstant il-komportament kemm tal-ġurnalist u kemm ta’ Albert Buttigieg kellu jieqaf immedjatament hemm.
Is-Sedja fakkret lill-membri kollha tal-midja, li dawn għandhom jirrispettaw dawk iz-zoni riservati għalihom fid-daħla tal-binja tal-Parlament u wkoll jimxu mal-istruzzjonijiet tal-Pulizija dwar dan li bl-ebda mod ma jistgħu jostakolaw lill-Membri waqt li jkunu deħlin jew ħerġin mill-bini tal-Parlament.
//= $special ?>

