Qed tkompli toħroġ aktar fiċ-ċar il-ħtieġa ta’ riforma sħiħa u serja fis-settur tal-kostruzzjoni. Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed ikompli jiddjaloga u jisma’ l-ideat minn setturi differenti tas-soċjetà, fosthom anke mill-Assoċjazzjoni Bennejja u Kuntratturi (ABK).
Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta ltaqa’ mal-uffiċjali ta’ din l-assoċjazzjoni fid-Dar Ċentrali. Din l-Assoċjazzjoni, li twaqqfet fl-2023 biex tirrappreżenta bennejja u kuntratturi liċenzjati, ippreżentat viżjoni u struttura konkreta għal sistema ta’ liċenzjar ibbażata fuq kompetenza, riskju u kapaċità.
Alex Borg qal li jinnota kif iż-żewġ naħat qed jaqblu dwar ħafna setturi, fosthom il-ħtieġa ta’ liċenzjar ibbażat fuq il-kompetenza u mhux sempliċi reġistrazzjoni, riforma serja tal-professjoni u sistemi moderni ta’ kwalità u sigurtà.
Il-Partit Nazzjonalista jħoss li, kif inhi s-sistema llum, il-proċess ta’ liċenzjar mhuwiex komplut u mhux infurzat. Dan f’settur fejn ħafna jieħdu aktar xogħol milli jifilħu, bir-riskju li jweġġgħu huma jew dawk fil-qrib. Dan anke wassal għal diversi vittmi.
Il-Kap tal-PN tenna li jibqa’ impenjat li jmexxi riforma li tirrikonoxxi l-professjonalità tal-bennejja u kuntratturi, li ssaħħaħ is-sigurtà fil-post tax-xogħol u li tgħolli l-istandards f’settur li għandu jkun pilastru ta’ kwalità għall-pajjiż.
Matul il-laqgħa, Alex Borg kien akkumpanjat mix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet Stanley Zammit.
//= $special ?>

