Lokali

Il-President ta’ Malta tkompli żżur l-iskejjel bħala parti mill-kampanja BOV L-Istrina Piggy Bank

Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, kompliet biż-żjarat tagħha fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex, bħala parti mill-kampanja BOV L-Istrina Piggy Bank.

It-Tlieta, il-President żaret il-Kulleġġ De La Salle; skola tal-Knisja li tinsab fil-Birgu u hi mmexxija mill-patrijiet tal-kongregazzjoni ta’ De La Salle. Dan il-Kulleġġ jiġbor fih subien u bniet tal-primarja, sekondarja u sixth form.

Matul iż-żjara tagħha, il-President fakkret fil-valuri tal-ġenerożità u l-altruwiżmu, riflessi fil-kampanja BOV L-Istrina Piggy Bank, u ħeġġet lill-istudenti biex jikkontribwixxu b’risq din il-kampanja u b’hekk huma wkoll ikunu parti minn L-Istrina ta’ din is-sena.

Il-President fakkret lill-istudenti li d-donazzjonijiet tagħhom imorru għand il-Malta Community Chest Fund, li b’hekk tkun tista’ tkompli tassisti lil dawk li jkollhom bżonn l-għajnuna, inkluż finanzjarja, fiż-żmien diffiċli tal-mard. Aċċennat kif il-Malta Community Chest Fund toffri wkoll assistenza lill-familji li wkoll ikunu għaddejjin mit-tbatija u l-isfidi li jġib miegħu l-mard.

Fil-Kulleġġ De La Salle, il-President Myriam Spiteri Debono ddedikat il-ħin tagħha wkoll għall-mistoqsijiet tal-istudenti, li huma mistoqsijiet iffukati fuq il-ħidma tagħha bħala President. Hawn il-President wasslet il-messaġġ li dak li jistgħu jagħmlu ta’ ġid u benefiċċju għall-oħrajn, jagħmluh illum qabel għada, għax l-azzjonijiet tagħhom, għalkemm għadhom żgħar, jistgħu jħallu impatt pożittiv fuq il-pajjiż.

Il-President Myriam Spiteri Debono żaret ukoll l-iskola Mariam AlBatool, li hi ċentru ta’ tagħlim b’ethos Iżlamiku, fejn tfal ta’ twemmin Musulman minn familji Maltin u oħrajn residenti f’pajjiżna jirċievu l-edukazzjoni tagħhom.

F’messaġġ li għaddiet lill-istudenti, il-President appellatilhom sabiex dejjem jagħmlu l-parti tagħhom għall-ġid tal-pajjiż, waqt li aċennat li huma wkoll it-tfal ta’ Malta u parti mill-komunità.

Fi tmiem l-attività, l-Imam Mohammed El Sadi ppreżenta donazzjoni b’risq il-Malta Community Chest Fund, li ngħatat f’isem l-istudenti u l-edukaturi ta’ din l-iskola. Il-President irringrazzjat lill-komunità Musulmana f’Malta li ta’ kull sena tagħti donazzjoni lill-Malta Community Chest Fund.

Matul iż-żjara tagħha, il-President ta’ Malta ngħaqdet mal-Imam Mohammed El Sadi għal mument ta’ talb fil-Moskea Mariam Al-Batool, li tinsab fiċ-Ċentru Iżlamiku li jospita wkoll l-iskola Mariam AlBatool.