Lokali Qorti

Illiberat fuq każ ta’ theddid

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, illiberat lil Ajith Augustine, Indjan ta’ 28 sena li joqgħod Birkirkara, akkużat li fit-22 ta’ Marzu 2025, bejn il-11:50 a.m. u nofsinhar, fil-viċinanzi tal-Isptar Mater Dei, kien hedded u għamel inġurji lil Sherin Jose. Il-prosekuzzjoni kienet talbet ukoll li tinħareġ ordni ta’ protezzjoni biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-allegata vittma.

Waqt il-kawża, il-Qorti għamlet analiżi tal-provi kollha prodotti, fosthom affidavit tal-Pulizija, iżda nnotat li d-dokument ewlieni ma kienx ġie kumpilat jew ikkonfermat taħt ġurament, u għalhekk ma setax jingħata l-piż ta’ prova valida f’kawża kriminali.

Dan wassal biex il-livell ta’ prova ma jilħaqx dak rikjest mil-liġi, jiġifieri prova lil hinn minn kull dubju raġonevoli. L-akkuzat għażel li ma jixhidx, iżda l-Qorti enfasizzat li, anke bl-evidenza kollha ppreżentata mill-prosekuzzjoni, ma nstabetx prova suffiċjenti biex tiġġustifika kundanna.

Għaldaqstant, wara li eżaminat l-artikoli 339(1)(e) u 383 tal-Kap. 9, il-Qorti ddeċidiet li ma għandha tinstab ebda ħtija fil-konfront ta’ Ajith Augustine u għalhekk ħelsitu minn kull akkuża u piena. Is-sentenza ngħatat l-Erbgħa.