Lokali

Imut Frankie Attard – il-fotografu magħżul mill-Familja Rjali

Ritratt: Matthew Mirabelli

Tħabbret il-mewt tal-fotografu Frankie Attard fl-etá ta’ 97 sena.

Attard hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa fotografi li kellu pajjiżna, u sa minn etá żgħira ta’ 14-il sena, hu kien beda’ jaħdem mal-Allied Newspapers, bħala paperboy ta’ Times of Malta. Permezz ta’ dan l-ewwel impjieg tiegħu fil-media, Attard kien idur iqassam il-gazzetta sakemm jum fost l-oħrajn, l-impjieg tiegħu ma’ din il-gazzetta fetħitlu opportunitá li qatt ma kien haseb dwarha.

F’intervista li Attard kien ta lil Times of Malta ftit tas-snin ilu, hu rrakonta kif kien hemm partita futbol fl-Istadium tal-Gżira, u ma kienx hemm fotografu biex immur jieħu r-ritratti.

Attard kien qal li “ħadd ma għallimni kif nieħu ritratti, u dak in-nhar kienu qaluli biss biex nieħu xi ritratti u hekk għamilt.”

Minn dak il-jum ‘il quddiem, il-kamera tar-ritratt saret estensjoni ta’ driegħu għal għexieren ta’ snin, tant li xogħlu kien biss ta’ fotografu, fost l-aktar popolari li kellu mis-snin 40 ‘il quddiem.

Iżda lilhinn minn kull ritratt li Attard ħa tul ħajtu kollha, l-eks fotografu ta’ Times of Malta, jibqa’ imfakkar l-aktar għan-numru ta’ ritratti li kien ħa tar-Reġina Eliżabetta II, tant li meta kien mistoqsi kemm kellu ritratti tagħha, Attard, b’tbissima fuq wiċċu kien qal, “Tlift il-kont. M’għandix idea kemm għandi… aktarx għandi mijiet.”

Attard kellu relazzjoni mill-qrib mal-Familja Rjali , tant li fiż-żmienu kien responsabbli ritratti tagħha, mhux biss għat-Times of Malta, iżda ukoll għall-gazzetti Brittaniċi.

Attard kien ukoll fotografu b’esperjenza kbira fit-teħid tar-ritratti marbuta mal-isport, partikolarment il-futbol. Tant kemm hu hekk, li hu kien wieħed mill-fotografi Maltin, preżenti biex jieħu r-ritratti tal-ewwel partita storika li Malta lagħbet fl-istorja tat-tim nazzjonali, lura fi Frar tal-1957, kontra l-Awstrija fl-Istadium tal-Gżira.

Hu kellu karattru ċajtier, u l-personalitá tiegħu għenet biex ġibed ir-rispett ta’ kull min ħadem miegħu matul iż-żmien.

Net News isellem il-memorja ta’ Frankie Attard u nestendu l-kondoljanzi tagħna lill-familjari tiegħu.