Ir-Russja mhix lesta għal konċessjonijiet lill-Ukrajna bħala parti minn ftehim potenzjali għat-tmiem tal-konflitt li dalwaqt jagħlaq erba’ snin.
Sadanittant, il-Kremlin qed jipprova jwassal messaġġ ambigwu lid-dinja minkejja li l-aħħar rawnd ta’ diplomazija falla fit-tentattivi biex iserraħ moħħ l-Ukreni dwar il-konċessjonijiet territorjali…Sitwazzjoni fejn ir-Russja qed tinsisti bil-politika espansjonista tagħha u fejn trid il-kontroll assolut tad-Donbas; ir-reġjun Ukren lejn il-lvant fejn għadhom għaddejjin il-battalji ħorox.
Fil-fatt, u minkejja n-nuqqas ta’ kompromess waqt l-aħħar taħditiet, f’Moska, bejn id-delegazzjonijiet tar-Russja u l-Istati Uniti, il-Kremlin, issa, qed jisħaq li ħadd ma għandu jinterpreta s-sitwazzjoni bħala waħda fejn il-President Russu, Vladimir Putin, ċaħad il-proposti għall-paċi mressqa mir-Rappreżentanti tal-President Amerikan, Donald Trump.
B’hekk ukoll, in-negozjati f’Moska qed ikunu mfissra bħala ‘kostruttivi iżda mingħajr sustanza’ u meta fl-aħħar sigħat, ir-Rappreżentanti tal-President Ukren, Volodymyr Zelensky, kienu qed iħejju għal aktar taħditiet ma’ delegazzjoni tal-Gvern Amerikan, f’Washington,.
Fl-istess ħin, il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tan-NATO qed jiltaqgħu fi Brussell biex jiddiskutu l-iżviluppi fl-Ukrajna flimkien mal-issues tad-difiża quddiem it-theddida kontinwa tar-Russja għall-Ewropa.
Dan wara Vladimir Putin stqarr li ‘għalkemm ir-Russja mgħandhiex l-intenzjoni li tidħol fi gwerra mal-Ewropa, il-qawwiet tal-Kremlin jinsabu lesti fuq standby minn issa stess, f’sitwazzjoni fejn l-Ewropej ikunu qed jistiednu l-konflitt bil-miftuħ’.
Madankollu, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Britanniku f’Downing Street, irrefera għal dan il-kumment ta’ Putin bħala ‘aktar diskors banali min-naħa tal-Kremlin.’ Il-Prim Ministru Britanniku, Keir Starmer, qal li l-Mexxej Russu qiegħed juża kliem perikoluż ħafna fiċ-ċirkustanzi u li l-pajjiżi Ewropej huma magħqudin fl-appoġġ għall-Ukrajna li għandha kull dritt biex tiddefendi l-interessi tagħha taħt il-liġi internazzjonali.
‘Iffinanzjata bl-assi tar-Russja’
Il-Kummissjoni Ewropea proponiet biex l-Ukrajna tkun iffinanzjata bl-assi tar-Russja li jinsabu ‘friżati’ jew ‘immobilizzati’, skont il-pjan dwar ‘self fuq bażi ta’ riparazzjoni’.
Il-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen, qalet ukoll li l-Unjoni Ewropea, issa, laħqet ftehim proviżorju biex twaqqaf l-importazzjoni tal-gass mingħand ir-Russja sal-2027.
Sadanittant, von der Leyen żvelat li l-UE għandha tkopri maż-żewġ-terzi tal-ħteġiet għall-finanzjament tal-Ukrajna għas-sentejn li jmiss u meta l-ispiża hi kalkulata mad-€90 biljuni. Dan meta l-ammont li fadal għandhom jaħsbu għalih is-sieħba internazzjonali tal-Unjoni.
Il-parti kbira tal-assi tar-Russja jinsabu l-Belġju li għadha qed tikkritika l-proposta minħabba tħassib dwar ir-reazzjoni tal-Kremlin. Intant, von der Leyen assigurat lill-Gvern Belġjan li l-Kummissjoni qed tikkunsidra d-diversi punti li qajjem.
Fl-istess waqt, il-President tal-Kummissjoni Ewropea fakkret li l-Unjoni Ewropea għandha s-salvagwardi u l-mekkaniżmi sodi għall-protezzjoni tal-Istati-membri kollha…Salvagwardi li, fihom infushom, qed inaqqsu kemm jistgħu l-element tas-sogru involut waqt l-inizjattivi f’isem il-kollettiv.
//= $special ?>

