Lokali

Iwaqqgħu l-arkati ta’ Triq is-Salini f’Wied il-Għajn

"...parti essenzjali mill-wirt, l-identità u l-pajsaġġ ta’ Marsaskala"

Il-Marsaskala Residents’ Network tesprimi t-tħassib u r-rabja profonda tagħha dwar ix-xogħlijiet ta’ twaqqigħ li qed isiru taħt il-promenade fi Triq is-Salini, minkejja li għad m’hemm ebda permessi ta’ l-ippjanar maħruġa. L-applikazzjoni għall-permess PA/6645/25 għal pont tat-trasbord f’din iż-żona tal-bajja għadha qed tiġi pproċessata mill-awtoritajiet, u fi kwalunkwe każ ma tinkludix it-twaqqigħ ta’ dawn l-arkati karatteristiċi. Inħarsu lejn dawn ix-xogħlijiet bħala disprezz ċar lejn il-proċess xieraq, l-interess pubbliku u l-karattru tal-lokalità tagħna.

Dan mhux sempliċement dwar konkrit u arkati. Iż-żona magħrufa bħala “taħt l-Arkati” hija parti essenzjali mill-wirt, l-identità u l-pajsaġġ ta’ Marsaskala. It-twaqqigħ tagħha jfisser telf ta’ memorja kollettiva, unika tal-lokal u tal-konnessjoni tagħna mal-kosta.

Il-fatt li x-xogħolijiet qed jitkomplew waqt li l-permessi għadhom pendenti jammonta għal forma ta’ bullyiing istituzzjonali. Li tkun fil-gvern ma jfissirx li għandek karta bajda biex tgħaffeġ id-drittijiet tar-residenti, l-istorja tagħna u l-kosta tagħna.

Aħna nitolbu immedjatament:

  1. Waqqfa immedjata ta’ kull xogħol ta’ twaqqigħ u intervent taħt il-promenade sakemm il-permessi neċessarji ta’ l-ippjanar jiġu pproċessati b’mod trasparenti u diskussi pubblikament.
  2. Il-pubblikazzjoni ta’ kull dokument rilevanti: valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali, studji tal-wirt u arkeoloġiċi, valutazzjonijiet strutturali u l-pjanijiet sħaħ tal-proġett. Ir-residenti għandhom id-dritt jarawhom u jikkummentaw b’mod effettiv.
  3. Konsultazzjoni pubblika ġenwina mal-komunità u mhux biss “sessjonijiet ta’ informazzjoni” superfiċjali, iżda impenn veru li fih il-vuċijiet tan-nies tal-lokal jiġu mismugħa u rrispettati.
  4. Rispett lejn l-identità, il-wirt u l-ambjent ta’ Marsaskala, għax ladarba dawn jintilfu, ma jistgħux jinħolqu mill-ġdid.

Insejħu lill-awtoritajiet responsabbli biex itemmu l-attitudni li jittrattaw lil Marsaskala bħala opportunita’ għall-iżvilupp akkost ta’ kollox. Li tkun fil-poter ma jagħtikx id-dritt li tgħaddi romblu minn fuq il-komunità. Aħna mhux se nibqgħu nħarsu u naraw il-wirt u l-ambjent fejn ngħixu jinqerdu.