Robert Cutajar, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar sostna fl-Aġġornament tal-parlament li kien l-PN li welled il-proposta li tkun riġenerata u restawrata Forti Campbell f’Selmun flimkien malkonservazzjoni ta’ Selmun u l-wirt li dan fih.
Robert Cutajar qal li l-Forti Campbell f’Selmun tinsab f’waħda mill-isbaħ żoni tal-pajjiż u kien għalhekk li sa mill-2011 meta hu kien Sindku tal-Mellieħa, l-kunsill lokali kien ippreżenta diversi proposti għal żvilupp sostenibbli taż-żona fejn beda proċess ta’ restawr tal-irziezet, restawr ta’ ħitan, inġiebu €1 miljun f’fondi u wkoll kien ikkunsidrat l-iżvilupp sostenibbli ta’ Forti Campbell. Il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa kien anki talab biex il-forti tkun devoluta lill-istess kunsill. In-nuqqas ta’ azjzoni mill-awtoritajiet wassal biex il-forti kompliet tiddeterjora u anki jinsterqu partijiet minnha.
Hu semma’ wkoll il-Palazz ta’ Selmun u qal li dan qed jaqa’ biċċiet u spjega kif il-proposta tal-PN kienet li jkun hemm riġenerazzjoni sħiħa għaż-żona ta’ Selmun, l-Imġiebaħ u l-Mistra. Issa l-gvern iddikjara li dawn l-ispazji se jsiru spazji miftuħa. Fil-programm elettorali tal-PN għall-elezzjoni tal-2022 kien hemm il-proposta ta’ żvilupp sostenibbli ta’ Forti Campbell inkluż Selmun, il-lukanda u ż-żona kollha.
Id-deputat Nazzjonalista qal li kien hemm ukoll proposta li l-iskola primarja tal-Mellieħa tmur f’din iż-żona mill-isbaħ biex tkun ta’ benefiċċju għall-istudenti.
Hu qal li jispera li issa l-Palazz ta’ Selmun u l-lukanda ma jingħatawx lil xi ħadd partikolari għal xi żvilupp li ma jkunx sostenibbli. Dwar din iż-żona u l-iżvilupp propost għandha ssir konsultazzjoni sħiħa mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, sostna Robert Cutajar, li appella biex anki l-Gżejjer ta’ San Pawl ikunu trattati f’kuntest ta’ konservazzjoni.
//= $special ?>

