Lokali Qorti

Konfermata l-estradizzjoni ta’ Ingliża lejn ir-Renju Unit

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras, ikkonfermat l-estradizzjoni ta’ Ingliża li tgħix Għawdex lejn ir-Renju Unit. Hi tat il-ġudizzju tagħha fil-kawża tal-appell bejn il-Pulizija, immexxija mill-Ispettur Robinson Mifsud, u l-appellanti Stephanie Bernardine Rita Josephine Schembri Mcelhatton, ta’ 58 sena, imwielda fl-Ingilterra u residenti r-Rabat, Għawdex.

L-appellanti kienet ġiet arrestata u ppreżentata quddiem il-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Inkjesta Kriminali għall-finijiet tal-Att dwar l-Estradizzjoni, peress li kienet mitluba mill-awtoritajiet ġudizzjarji tar-Renju Unit, speċifikament mid-District Judge tal-Laganside Court f’Belfast, sabiex tiġi estradita għall-prosekuzzjoni ta’ sitt reati marbutin ma’ trattament ħażin u attakki li kkawżaw ħsara fiżika fuq tfal taħt is-16-il sena.

Dawn il-ksur huma meqjusa bħala reati estradizzabbli u indikati fl-Mandat ta’ Arrest, datat 31 ta’ Jannar 2025. Il-Qorti tal-Maġistrati kienet diġà ddeċidiet fit-7 ta’ Novembru 2025 li ma kien hemm ebda impediment biex l-appellanti tiġi mogħtija lura lill-awtoritajiet tar-Renju Unit u ordnat il-kustodja tagħha sakemm titwettaq l-estradizzjoni.

Hija kienet infurmatha wkoll bid-drittijiet tagħha ta’ appell u l-possibbiltà li tressaq talbiet għal rimedju kostituzzjonali jekk taħseb li d-drittijiet tagħha taħt il-Kostituzzjoni jew il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ġew jew se jiġu miksura.

Wara din id-deċiżjoni, l-appellanti ressqet appell fit-13 ta’ Novembru 2025, fejn qalet li l-estradizzjoni tagħha għandha tiġi rrifjutata għax hemm riskju reali li tiġi soġġetta għal trattament inuman jew degradanti fil-ħabsijiet tal-Irlanda ta’ Fuq minħabba l-kundizzjoni psikjatrika tagħha, kif irrimarkata fir-rapport tal-konsulent Dr Anthony Zahra.

Hija sostniet li l-preżenza tal-familja tagħha f’Malta kienet essenzjali għall-istabilizzazzjoni tagħha u li l-assenza ta’ dan l-appoġġ tista’ żżid il-periklu għaliha. Barra minn hekk qalet li l-ittri tal-awtoritajiet Brittaniċi ma kinux jagħtu garanziji konkreti dwar il-kura, il-kontinwità tal-medikazzjoni, jew l-aċċess għal terapija jew servizzi speċjalizzati.

Hija ressqet ukoll rapporti u dokumenti li juru nuqqasijiet fis-sistemi ta’ kura mentali fil-ħabsijiet tal-Irlanda ta’ Fuq. Il-Qorti tal-Appell eżaminat bir-reqqa dawn l-allegazzjonijiet fid-dawl tal-prinċipju fundamentali ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u tad-dmir li tirrifjuta estradizzjoni biss f’każijiet eċċezzjonali fejn ikun hemm prova ċara ta’ riskju reali ta’ trattament inuman, kif stabbilit fil-ġurisprudenza Aranyosi u Căldăraru tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Il-Qorti osservat li s-servizzi tal-ħabsijiet tar-Renju Unit huma konformi mal-istandards Ewropej u li ma ġietx prodotta prova li tidentifika riskju personali, attwali u konkrett li jmiss speċifikament lil din l-appellanti.

Il-Qorti nnotat ukoll li l-awtoritajiet tar-Renju Unit taw ċertezza li l-kundizzjoni tal-appellanti, kif spjegata fir-rapport mediku ta’ Dr Zahra, se tkun ikkunsidrata u indirizzata hekk kif tasal fis-sistema tagħhom. Għalhekk, il-Qorti ma sabitx li hemm riskju reali ta’ ksur tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea u lanqas bażi biex l-estradizzjoni tiġi mblukkata.

Il-Qorti ċaħdet ukoll il-gravanti l-oħra kollha, fosthom allegazzjonijiet li s-sentenza tal-ewwel Qorti kienet mogħtija tard jew li kien hemm bżonn referenza preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u kkonkludiet li dawn kienu infondati.

Wara l-eżami kollu tal-fatti, il-liġi applikabbli u l-provi prodotti, il-Qorti tal-Appell ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Maġistrati u ordnat li Stephanie Bernardine Rita Josephine Schembri Mcelhatton tiġi estradita lir-Renju Unit biex tiffaċċja l-prosekuzzjoni għar-reati indikati fil-mandat.

Il-Qorti wissietha li l-estradizzjoni ma tistax titwettaq qabel ma jgħaddu sebat ijiem mid-data ta’ din id-deċiżjoni u infurmatha tad-dritt li tressaq talba għal rimedju kostituzzjonali jekk tqis li xi dritt fundamentali tagħha nkiser. Fl-aħħar nett, il-Qorti ordnat li kopja tas-sentenza tintbagħat lill-Ministru għall-Ġustizzja.