Lokali Qorti

Kumpens ta’ iktar minn €13,000 fuq propjetà li jrid jitħallas mill-istat

Għal darba oħra l-Avukat tal-Istat kellu jagħmel tajjeb għal ksur tad-Drittijiet tal-Bniedem fejn tidħol propjeta bil-Qorti ssib ksur tad-drittijiet ta’ sid ta’ post u fin-nuqqas fit-tgawdija tal-proprjetà tagħha, appartament fi Triq Belvedere, Gżira, kif protett bl-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Il-Qorti ordnat lill-Avukat tal-Istat iħallas kumpens lil Dr. Anne Louise Ellul Cachia Caruana għal dan il-ksur, liema kumpens. Dan il-kumpens fis-somma ta’ €12,665.65 hi bħala danni pekunjarji, u €1,000 bħala danni mhux pekunjarji.

L-Avukat tal-Istat ġie kundannat iħallas dawn l-ammonti bl-imgħax mid-data tas-sentenza sal-ħlas effettiv u bl-ispejjeż kollha kontra l-Avukat tal-Istat, inkluż l-ispejjeż ta’ min kien qed jgħix fil-fond – Elvira Bartolo ħlief dawk relatati mar-rapport tal-perit ġudizzjarju li għandhom jitħallsu kwantu għal parti minn ħamsa mill-Avukat tal-Istat u erba’ partijiet minn ħamsa mill-attriċi

L-Imħallef Doreen Clarke, kienet qed tinstema’ l-kawża kostituzzjonali li ilha għaddejja għal snin twal fil-qasam tal-kiri residenzjali. Il-bidu tagħha jmur lura għall-1981, meta miet il-Perit Joseph Cachia Caruana u ħalla b’prelegat lil bintu, Anne Louise Ellul Cachia Caruana, appartament fil-Gżira.

Din il-proprjetà, madankollu, kienet ilha mikrija mill-1982 lil Elvira Bartolo u lil żewġha taħt il-mekkaniżmu tal-Kap. 69, u għal snin sħaħ baqgħet tingħata bi kera nominali ta’ Lm23 (€53.57) fis-sena għaż-żewġ appartamenti, ammont li anki meta nbidel għall-ewro u għadda minn “żidiet” leġiżlattivi baqa’ jittraduċi f’ċifra kważi simbolika meta mqabbla mal-valur tas-suq.

Wara mewt missierha fl-2015, meta l-użufrutt intemm, l-attriċi sabet ruħha sidt fuq karta imma mhux fil-prattika: ma setgħetx tidħol fil-proprjetà tagħha, ma setgħetx tikriha lil ħaddieħor, u lanqas ma setgħet tiddeċiedi x’għandha tagħmel biha.

Kull xahar kellha quddiemha l-istess realtà: kera baxxa ħafna, maġġorment imposta mil-liġi, u relazzjoni indefinita u obbligatorja ma’ inkwilina li ilha tgħix hemm għal għexieren ta’ snin. L-attriċi s-Sinjura Ellul Cachia Caruana sostniet li din is-sistema kienet illimitata, sproporzjonata u tikkostitwixxi ksur ċar tad-dritt tagħha għall-proprjetà taħt il-Konvenzjoni Ewropea.

L-Istat, min-naħa tiegħu, rrisponda li l-azzjoni kienet diretta b’mod ħażin għax l-attakk kien fuq il-liġi u mhux fuq xi deċiżjoni amministrattiva partikolari. Insista li sal-2021 ma kienx hemm soluzzjoni oħra legali u li l-protezzjoni tal-inkwilini kienet politika soċjali importanti li riedet iżżomm familji vulnerabbli f’darhom. Qal ukoll li r-riformi tal-2021 kienu taw rimedju ġdid, li wassal biex fl-2023–2024 il-kera ġiet stabbilita madwar €3,400 fis-sena, u għalhekk l-ilment tal-attriċi ma setax jibqa’ jintuża għall-preżent.

L-inkwilina Elvira Bartolo, li ilha tgħix fl-appartament għal tant snin, qalet li hi dejjem segwiet il-liġi u ħallset il-kera kif meħtieġ. Qatt ma kienet hi li għażlet il-prezz tal-kera; dak dejjem kien impost mill-Istat. Għalhekk ma setgħetx tiġi ċċensurata jew penalizzata għal sistema li kienet ilha tipproteġi lill-inkwilini minn żmien twil. Barra minn hekk, talbet il-Qorti tikkunsidra li l-appartament kien d-dar tagħha, l-uniku post stabbli li kellha, u kwalunkwe tibdil seta’ jpoġġiha f’pożizzjoni ta’ vulnerabbiltà kbira.

Il-Qorti, wara li semgħet ix-xhieda kollha u rat ir-rapport tal-perit ġudizzjarju li evalwa l-valur lokattiv tal-proprjetà mill-1987 sal-2021, waslet għad-deċiżjoni tagħha. Kien hemm bilanċ delikat x’jinżamm, iżda fl-aħħar mill-aħħar iddeterminat li għal snin twal, qabel ir-riformi tal-2021, l-attriċi kienet fil-fatt ġiet privata minn tgawdija sinifikanti tal-proprjetà tagħha b’mod sproporzjonat.

Il-kera baxxa ħafna, l-indefinizzjoni tal-kuntratt u n-nuqqas ta’ kontroll fuq disponiment tal-fond kienu, fl-għajnejn tal-Qorti, jammontaw għal ksur tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1. Għalhekk il-Qorti ma waqfitx biss fuq id-dikjarazzjoni tal-ksur, iżda ordnat ukoll kumpens sostanzjali għall-attriċi: €12,665.65 bħala danni pekunjarji u €1,000 bħala danni morali, flimkien mal-imgħax u l-ispejjeż kollha kontra l-Avukat tal-Istat.

L-unika parti fejn ma waslitx għal kundanna totali kienet dwar l-ispejjeż marbuta mal-perit, li qassmithom bejn il-partijiet skont il-grad ta’ responsabbiltà. B’dan il-mod, il-Qorti għalaq kapitlu twil ta’ tensjoni bejn id-drittijiet tas-sid u l-protezzjoni tal-inkwilin, u fissret b’mod ċar li l-liġi kif kienet qabel l-2021 kienet żbaljat il-bilanċ, u għal dan l-iżball kellu jħallas l-Istat.