Lokali

L-identità nazzjonali ma tintweriex biss bis-simboli iżda bil-konservazzjoni tal-wirt storiku


Rebekah Borg, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Rebekah Borg qalet fil-parlament li l-identità nazzjonali ma tintweriex biss bis-simboli iżda bil-konservazzjoni tal-wirt storiku.

Hi qalet li s-simboli tal-innu nazzjonali u l-Belt Valletta fil-Kostituzzjoni weħidhom ma jżommux il-wirt storiku preservat għaliex mhuwiex isir biżżejjed biex jitħares il-wirt storiku u l-patrimonju Malti.

Rebekah Borg qal li l-binijiet stroiċi qed jitmermru waqt li siti ta' importanza nazzjonali qed jispiċċaw taħt l-iżvilupp. Il-ħarsien tal-identità nazzjonali għandu jkun wieħed fil-prattika, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li hemm ħafna wirt storiku fil-Belt Valletta li għandhom ikunu konservati fosthom sisterni u kumplessi arkeoloġiċi u ambjentali. Hawn ħafna postijiet li għandhom ikunu protetti mhux biss fil-Belt Valletta iżda anki f'lokalitajiet oħra fosthom il-Batterija ta' Għajn Riħana fejn tilfet ħajjitha Mirabelle Falzon meta waqgħet ġebla fuqha minn din il-batterija stess.

Id-deputat Nazzjonalista kkritikat il-fatt li diversi rapporti dwar din il-binja spiċċaw fil-burokrazija tant li ma srax ir-restawr u lanqas ittieħdu l-passi neċessarji. Il-gvern kien wiegħed li se jagħmel entità waħda iżda ma jidhirx li din fil-fatt inħolqot. Hi tkellmet dwar il-Binja tal-Kavallieri f'dak li kien Baċir Numru 1 u qalet li dan il-bini jinsab fi stat ta' abbandun bil-ġebel li qed jitmermer.

Id-deputat Nazzjonalista tkellmet dwar il-Forti Bengħajsa li hi binja skedata u importanti iżda li kienet okkupat llegalment. Issa ttieħdet azzjoni u l-forti bdiet tkun rilaxxata għall-pubbliku bil-gvern jgħid li se jagħmel proġett ta' riabilitazzjoni. Dan meta jidher li għad hemm in-nies fuq ġewwa. Hi appellat biex kull żvilupp naturali li jsir f'din il-Forti jkun sostenibbli bħal żona fejn isir il-camping.

Id-deputat Nazzjonalista semmiet Manoel Island, Selmun u l-White Rocks u qalet li l-PN jaqbel li jkun hemm iktar spazji miftuħa iżda l-gvern għandu jispjega x' qed ifisser b'park nazzjonali. Dan għandu jkun park miftuħ naturali, miftuħ u sostenibbli u jitneħħew strutturi li m'hemmx bżonnhom.

Rebekah Borg pproponiet li jkun hemm Malta Heritage Trail b'mod organizzat biex l-istorja tingħata l-importanza li jistħoqqilha.