Lokali Parlament

M’għandux ikun aċettat li jintilef il-kontroll fil-Belt Valletta

Paula Mifsud Bonnici, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici qalet fil-parlament li m’għandux ikun aċċettat li jintilef il-kontroll fil-Belt Valletta.

Paula Mfiud Bonnici qalet li l-politika għandha tkun mezz kif isir il-ġid u mhux kif il-politiċi jħaxxnu buthom; mhux ta’ b’xejn li hawn eluf li tilfu l-fiduċja fil-politika. Għalhekk l-innu Malti għandna ngħixuh kuljum, sostniet Paula Mifsud Bonnici, li tkellmet dwar il-Belt Valletta u sellmet lis-sindki kollha li servew bħala sinki tal-Belt Valletta.

Hi qalet li s-sitwazzjoni fil-Belt Valletta li waħda li fiha l-Prim Ministru Robert Abela innifsu ddikjara li jibża’ jħalli lit-tifla tiegħu timxi fil-Belt minħabba li jibża’ li tiġi attakkata mill-gangs li jkunu fit-toroq tal-Belt.

Id-deputat Nazzjonalist qalet li llum hemm sitwazzjoni diffiċli fil-konfront ta’ residenti Beltin u sosniet li llum intilef il-kontroll fil-Belt tant li qed isiru diversi abbużi. Hi qalet li l-assoċjazzjonijiet kummerċjali qed jikkritikaw il-mod kif uħud mill-elementi kummerċjali fil-Belt qed jikkawżaw diffikultajiet minħabba l-istorbju qawwi li jitħalla għaddej sa kmieni filgħodu. Dan qed iwassal għal ilmenti anki mis-settur turistiku, sostniet Paula Mifsud Bonnici, li kompliet li l-elementi kollha tal-Belt għandhom ikunu preservati.

Hi semmiet uħud mill-problemi li hemm fil-Belt fosthom il-parkeġġ, it-traffiku, in-nuqqas ta’ spazju għar-residenti Beltin u n-nuqqas ta’ attività kummerċjali tradizzjonali li minnha jinqdew ir-residenti. Jeħtieġ li l-Belt tibqa’ simbolu ta’ reżiljenza fejn ir-residenti jiġu stmati, sosneit Paula Mifsud Bonnici.