Lokali Qorti

Mhux ħati ta’ mibgħeda razzjali

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, ma sabit ħati żagħżugħ ta’ 22 sena residenti l-Gżira ta’ mibgħeda razzjali. Dan wara li analizzat ix-xhieda kollha u l-provi prodotti, sabet li l-livell ta’ prova meħtieġ fil-liġi kriminali ma ntlaħaqx, partikolarment minħabba li l-allegat vittma ma setax jidentifika lill-imputat bħala l-persuna li insultatu.

Għalhekk, ma nstabitx provata lil hinn minn kull dubju raġonevoli l-allegazzjoni li l-imputat wettaq kliem jew imġiba ta’ mibegħda razzjali skont l-artikolu 82A tal-Kodiċi Kriminali. Konsegwentement, il-Qorti ssib lil Rico Spagnol mhux ħati tal-akkuża ta’ mibgħeda razzjali u ħelsitu minn kull ħtija u piena.

L-imputat kien mixli li fl-4 ta’ Marzu 2024, għall-ħabta tas-5:50pm. fiż-żona tal-Imsida, għamel użu minn kliem jew imġiba ta’ theddid u insulti diretti lejn Abdelaziz Oueslati, b’mod li seta’ jqajjem mibegħda jew vjolenza fuq bażi ta’ razza jew kriterji oħra.

Il-Qorti rat l-atti kollha u x-xhieda ppreżentata mill-prosekuzzjoni. Ix-xhud ewlieni, Abdelaziz Oueslati, xehed li dakinhar kien qed isuq taxi ġewwa l-Imsida meta, wara li biddel korsija mingħajr ma uża l-indikatur, ra karozza tiġi minn warajh b’veloċità u l-persuna fil-karozza bdiet tgħajjat u tinsultah.

Qal li ħassu offiż għaliex l-istess persuna sejjaħlu stupidu u bi kliem ħażin li huwa barrani u li aħjar jitlaq minn Malta. Hu sostna li ma rrikonoxxa lil min qallu dawn il-kliem għax kien sorpriż u ma għamel l-ebda reazzjoni. L-uniku dettall li nżamm kien in-numru tal-pjanċa tal-karozza, li ttieħed mill-passiġġier li kien fit-taxi miegħu.

Meta mistoqsi direttament mill-Qorti jekk kienx jirrikonoxxi lill-persuna li allegatament insiltu, ix-xhud qal b’mod ċar li ma setax jagħraf il-persuna fil-Qorti u ma kellux memorja tal-wiċċ tiegħu. Il-klijent tiegħu, li ħa r-ritratt tan-numru tal-pjanċa, lanqas ma kien magħruf b’ismu u ma ppreżentax ruħu biex jixhed.

Xehed ukoll il-kuntistabbli Nathan Chappell li rrimarka li saru żewġ tentattivi biex il-pulizija tilħaq lill-imputat fl-indirizz magħruf, iżda dawn ma taw l-ebda frott. Wara li qieset id-dettall kollu, il-Qorti osservat li l-livell ta’ prova meħtieġ fil-liġi kriminali – jiġifieri prova lil hinn minn kull dubju raġonevoli – ma ntlaħaqx.

L-allegat vittma ma identifikatx lill-imputat fil-Qorti bħala l-persuna li ġiet minnha l-imġiba jew kliem offensiv. Dan id-difett ta’ identifikazzjoni, fl-assenza ta’ xhieda oħra diretta jew evidenza konklussiva, kien kruċjali u jisboq kull argument ieħor dwar xi ġara jew ma ġarax.

Għalhekk, il-Qorti kkonkludiet li ma setgħetx tagħmel konnessjoni ċerta bejn Rico Spagnol u l-allegat imġiba, u b’hekk ma setgħetx tissodisfa l-istandard neċessarju biex issibh guilty. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-Qorti sabetu mhux ħati tal-akkuża u lliberatu minn kull ħtija u piena.