Lokali

Nirrikonoxxu l-kontribut siewi li jagħtu l-persuni b’diżabbiltà f’kull qasam tal-ħajja – PN

Fil-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabbiltà, il-PN jappella għal aktar ugwaljanza u aċċessibbiltà għal dawn il-persuni biex ikunu jistgħu jkomplu jagħtu sehemhom fis-soċjetà tagħna

Il-Partit Nazzjonalista jirrikonoxxi l-kontribut siewi u importanti li jagħtu l-persuni b’diżabbiltà f’kull qasam tal-ħajja fosthom is-setturi soċjali, edukattivi, kulturali u ekonomiċi. Għalhekk għandna nassiguraw li persuni b’diżabbiltà jkollhom aċċess ugwali għal dawn is-setturi. Irridu nkomplu naħdmu biex kull spazju pubbliku, servizz u opportunità jkunu aċċessibbli għal kulħadd.

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabbiltà, li jiġi ċċelebrat kull sena fit-3 ta’ Diċembru, il-Partit Nazzjonalista jingħaqad mal-komunità internazzjonali f’ħidma għal ugwaljanza vera u inklużjoni għal kulħadd.

Din il‑ġurnata tfakkarna li s‑soċjetà tagħna ssir tassew ġusta biss meta kull wieħed u waħda minna jkollu l‑opportunità li jgħix b’dinjità, parteċipazzjoni sħiħa u ugwaljanza vera. Dan il-jum m’għandux jitqies biss bħala ġurnata simbolika, iżda għandu jservi biex jispirana biex naħdmu aktar ħalli s-soċjetà Maltija tkompli tneħħi kull ostaklu li jillimita l-parteċipazzjoni sħiħa u ugwali ta’ dawn iċ-ċittadini. L‑aċċessibbiltà mhix favur, iżda hija dritt fundamentali. Kull ostaklu li jeskludi lil xi ħadd jirrappreżenta falliment. Għalhekk, irridu nneħħu kull ostaklu fiżiku, soċjali jew mentali, li jista’ żomm lill-individwi lura.

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jikkonferma l-impenn tiegħu lejn politika ta’ inklużjoni awtentika, fejn kull persuna tingħata ċ-ċans li tiżviluppa l-potenzjal sħiħ tagħha u tibqa’ jgħix fil-komunità. Biex dan jitwettaq, hemm bżonn li jissaħħu s-servizzi ta’ sapport għal persuni b’diżabbiltà u l-familji tagħhom, permezz ta’ aktar investiment fl-edukazzjoni inklużiva, fl-impjiegi u fl-aċċessibbiltà. Kemm l-istituzzjonijiet pubbliċi kif ukoll dawk privati għandhom jiġu mħeġġa jadottaw prattiċi li japprezzaw id-diversità u jsaħħu l-ugwaljanza fl-opportunitajiet.

Il‑vuċi tal‑persuni b’diżabbiltà trid tinstema’ u tiġi rispettata. Mhux għalihom, imma magħhom irridu nibnu politika u soċjetà inklużiva. Il‑persuni b’diżabbiltà għandhom ikunu parti mid‑deċiżjonijiet li jaffettwawhom, mhux sempliċement suġġetti ta’ politika. Dan imur id f’id mat-tema magħżula għal din is-sena: Promozzjoni ta soċjetajiet inklużivi għall-persuni bdiżabbiltà għall-progress soċjali.

Kull persuna għandha d-dritt tgħix ħajja sħiħa, awtonoma u b’dinjità. Irridu nibnu pajjiż li jilqa’ lil kulħadd u fejn ħadd ma jitħalla lura sempliċement għax għandu diżabbiltà. Id-diżabbiltà m’għandha qatt tkun fattur li jwassal biex xi ħadd jiġi eskluż. Id‑diżabbiltà ma tiddeterminax il‑potenzjal jew il-valur ta’ persuna, imma turi kemm is‑soċjetà tagħna kapaċi tkun ġusta, umana u kuraġġuża.

Il-PN huwa impenjat li joffri appoġġ mhux biss lill-persuna b’diżabbiltà iżda wkoll lill-ġenituri, lill-aħwa u lil qraba oħra, billi l-esperjenza turi li anke dawn spiss ikollhom bżonn għajnuna u sostenn. Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ determinat li jkun vuċi b’saħħitha favur il-ġustizzja soċjali, l-ugwaljanza u r-rispett lejn kull persuna, irrispettivament mid-diżabbiltà tagħha. Il-PN jirringrazzja lil dawk kollha li, b’modi differenti, jagħtu kontribut għall-iżvilupp tas-settur tad-diżabbiltà. Mingħajr l-isforzi dedikati ta’ diversi individwi, inkluż professjonisti, membri tal-familja u organizzazzjonijiet volontarji, il-progress u l-parteċipazzjoni kontinwa tal-persuni b’diżabbiltà ma jkunux possibbli.

Din l-istqarrija kienet maħruġa mid-deputati tal-PN Graziella Galea u Albert Buttigieg.