Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni
Fid-diskors tal-estimi tal-baġit li għamilt fil-Parlament ġimgħa ilu, fost il-ħafna punti li tkellimt dwarhom kienet l-awtonomija tal-kulleġġi, u li jsir ‘re-thinking’ għal ċerti minnhom li huma diżproporzjonati meta kumparati ma’ oħrajn.
Hawnhekk, nista’ ngħid li kont qiegħed nitkellem dwar il-Kulleġġ ta’ Santa Klara, kulleġġ li ma għandux skola medja u skola sekondarja (tnejn separati) imma għandu biss waħda li tilqa’ fiha l-istudenti kollha mill-Year 7 sal-Year 11.
Fid-diskors tiegħi enfasizzajt kemm huwa importanti li l-kulleġġi jkunu verament attrezzati għall-aspett kulturali, għall-aspett soċjoloġiku u għall-aspett reġjonali partikolari, għalhekk l-awtonomija, għax ma nistgħux nistennew li skejjel f’‘catchment areas’ differenti jkollhom l-istess ambjent.
L-inċident aggressiv li seħħ fl-iskola ta’ Pembroke nhar it-Tnejn jorbot direttament mal-argumenti li ġibt. Dan l-inċident, għalkemm iżolat fl-iskala tiegħu, fejn argument bejn żewġ studenti barranin inbidel f’att aggressiv serju li qed iqajjem mhux biss tħassib immedjat għas-sigurtà tal-istudenti, iżda wkoll qed isejjaħ għal dibattitu nazzjonali dwar kif il-politika edukattiva għandha tirreaġixxi għal sitwazzjonijiet simili biex ikunu evitati oħrajn fil-futur.
Intenni, li għalkemm każi bħal dawn jibqgħu relattivament rari, l-esperjenza tissuġġerixxi li anki episodju wieħed jista’ juri b’mod ċar dgħufijiet strutturali fis-sistema skolastika u jista’ jwassal għal oħrajn.
Sistemi aktar robusti
Ftit xhur ilu, każ simili li nbeda fl-iskola tal-Ħandaq seta’ kellu konsegwenzi aktar serji u wkoll kellu jkun dak li bl-Ingliż insejħulu ‘eye-opener’. Għaldaqstant, l-argument ewlieni li rridu nagħmlu llum huwa wieħed ċar: l-iskejjel Maltin għandhom bżonn sistemi aktar robusti ta’ dixxiplina u sigurtà biex jiżguraw li l-proċess edukattiv iseħħ f’ambjent ta’ paċi, rispett u stabbiltà.
Din mhix biss retorika, bħalma akkużana l-Partit Laburista, imma hija deċiżjoni li għad irridu nieħdu. Ambjent ħolistiku san u sikur fl-iskejjel huwa dritt tal-istudenti u tal-għalliema, u huwa l-obbligu tal-politika edukattiva. Ma hemmx argumenti oħra x’nagħmlu.
Il-pożizzjoni tagħna bħala Partit Nazzjonalista wara dan il-każ kienet waħda li tpoġġi l-fokus fuq ir-responsabbiltà tal-Istat u l-ħtieġa li jiġu riveduti l-protokolli ta’ sigurtà. Iva, mingħajr ma nkun allarmist jew fatalist, u mingħajr ma nbeżża’ bil-babaw, irrid nistqarr li l-każ innifsu huwa serju aktar minn kemm huwa fl-iżolament tiegħu għax jagħti indikazzjoni tas-soċjetà li wliedha jmorru fl-iskejjel, li jien inqishom bħala frammezzjonijiet tas-soċjetà fil-kuntest dejjaq tagħhom.
Għalhekk, għedna bla kantunieri, li dan l-inċident għandu jservi ta’ ‘wake-up call’ għal min imexxi l-pajjiż, biex f’kull skola jkun hemm sistema ċara u funzjonali li tilqa’ għal sitwazzjonijiet ta’ riskju żejjed, u dan mingħajr ma nħarsu lejn l-iskejjel b’mod differenti mil-lum ’il quddiem.
Imma d-dubju, il-biża’ u l-mistoqsijiet tal-ġenituri u tal-għalliema rridu nagħtu kashom, immedjatament. Dawn kollha jistħoqqilhom jingħataw piż, għax ma nistgħux nibqgħu nibnu politika reattiva li tintervjeni biss meta u jekk jinqala’ xi ħaġa.
Irrid ngħid li ħafna mill-kulleġġi ma għandhomx biżżejjed għajnuna biex jikkumbattu mal-isfida tal-imġiba ħażina li qiegħda dejjem tgħolli rasha anki għaliex Malta qed tinbidel u s-soċjetà ma baqgħetx aktar omoġenika u din qiegħda ġġib ir-riperkussjonijiet tagħha, naċċettawha jew le, irriduha jew le.
Tipprevjeni aktar milli tirreaġixxi
Jekk il-viżjoni edukattiva trid tkun sostenibbli, trid tkun waħda li tipprevjeni aktar milli tirreaġixxi u trid tkun mibnija fuq l-awtonomija tal-kulleġġi nfushom u mhux waħda nazzjonali li tapplika għal kulħadd imma ma tapplika għal ħadd.
L-ewwel punt fundamentali huwa li d-dixxiplina fl-iskola mhix biss kwistjoni ta’ regoli, imma għandha tkun stil. Hija wkoll pedament għall-benesseri emozzjonali u l-iżvilupp personali tat-tfal. L-iskola hija l-ewwel komunità organizzata li t-tfal jesperjenzaw barra d-dar, u għalhekk għandha tkun post li fih wieħed jitgħallem mhux biss l-akkademiku matematika iżda wkoll ir-rispett, il-kontroll emozzjonali u jkun mgħarraf kif jiffaċċja diversi sitwazzjonijiet abnormali inkluż ‘bullying’.
Meta n-nuqqas ta’ dixxiplina jwassal għal episodju ta’ vjolenza, allura dan ifisser li qegħdin nonqsu bħala pajjiż, b’mod ġenerali. Għalhekk, il-miżuri ta’ dixxiplina għandhom jiġu meqjusa bħala investiment fl-iżvilupp tal-karattru, u mhux biss bħala deterrent għal dak li jista’ jinqala’.
It-tieni argument huwa marbut mas-sigurtà fiżika tal-istudenti u tal-għalliema. Huwa essenzjali li l-iskejjel ikollhom mekkaniżmi ċari u konsistenti biex jidentifikaw sinjali bikrija ta’ tensjoni, aggressività jew vulnerabbiltà soċjali fost l-istudenti. Wieħed jifhem li dan mhux eżerċizzju faċli speċjalment jekk kemm-il darba l-iskejjel ikunu kbar. Jidhirli li fl-iskejjel isir ħafna biex ikunu evitati kull tip ta’ inċident, madankollu dak li ġara din il-ġimgħa jerġa’ jagħti lok għal diskussjoni importanti dwar dan is-suġġett.
Barra minn hekk, hemm bżonn li l-politika edukattiva tkun aktar konsistenti u mhux suġġetta għal pressjonijiet politiċi temporanji. L-inċident ta’ Pembroke ma għandux jintuża bħala punt ta’ punt fis-sens politiku, iżda bħala opportunità biex il-pajjiż jifhem li s-sigurtà u d-dixxiplina fl-iskejjel huma suġġetti li għandhom jiġu trattati b’serjetà u b’għaqal u fl-immedjat.
Għalhekk, bħala Partit Nazzjonalista sħaqna fuq dan il-punt, iżda l-proposta li jiġu riveduti l-miżuri għandha tiġi adottata b’mod nazzjonali u mhux bħala parti minn argument politiku.
Fl-aħħar nett, għandna naraw li l-miżuri ta’ dixxiplina ma jkunux intiżi biex ipoġġu aktar piż fuq l-istudenti, iżda biex jassiguraw li kull tifel u tifla jkollhom l-istess opportunità jitgħallmu f’ambjent kalm. Dan jinkludi mhux biss regoli aktar ċari, iżda wkoll appoġġ aktar profond: Prefect of Discipline u tim professjonali adegwat miegħu għal kull kulleġġ; biżżejjed counsellors, aktar kuxjenza u għarfien, aktar moniteraġġ u komunikazzjoni aħjar bejn l-iskejjel u l-ġenituri. Id-dixxiplina għandha tkun parti minn kultura edukattiva li tippromwovi l-għaqda, mhux il-biża’.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 3 ta’ Diċembru, 2025.
//= $special ?>

