Albert Buttigieg
Shadow Minister
għan-Neurodiverġenza
u l-Ħarsien tat-Tfal
Il-kelma ‘inklużjoni’ tikxef mentalità ta’ ħsieb fejn KULĦADD huwa ugwali. Din l-ugwaljanza ġejja mill-prinċipju fundamentali li lkoll kemm aħna għandna l-istess DINJITÀ UMANA.
Issa, din id-dinjità umana ma tiddependix mill-abbiltjiet differenti li wieħed jista’ jkollu. Id-dinjità umana hija l-essenza ta’ dak li jagħmilna bnedmin. Dan huwa valur intrinsiku. Jista’ ma jkollix idejn, ma nismax, ma narax IMMA xorta jiena persuna umana daqs ħaddieħor li għandu idejn, jisma’ u jara.
Qiegħed nagħmel dan l-enfasi għax jekk m’aħniex konvinti fid-dinjità umana ta’ KULL persuna, Allura d-diskors tagħna fuq l-inklużjoni huwa fieragħ, retorika u ‘buzzword’.
Għalkemm pajjiżna mexa passi kbar fl-inklużjoni ta’ kull persuna, tajjeb li niftakru li 60 sena ilu, Mons. Azzopardi beda joħroġ persuni mill-katina, nemmen li xorta waħda persuni b’diżabbiltà, b’newrodiverġenza u l-familji tagħhom għandhom sfidi li jaffettwa l-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Dijanosi bikrija
Bħala Kelliem għal ħarsien tat-tfal u newrodiverġenza, jiġifieri għal tfal b’awtiżmu, ADHD u dislessija, niġbet l-attenzjoni li għad hawn numru ta’ ‘gaps’ fil-politika tagħna b’mod partikolari f’età bikrija.
Il-letteratura xjentifika turina li l-‘early interventions’ (interventi f’età bikrija) jiġifieri minn 1-5 sena huma kruċjali fl-izvilupp ta’ dawn it-tfal. Irridu nilqgħulhom kmieni kemm jista’ jkun biex ikun hemm l-interventi meħtieġa li jaffettwa ċertu mġiba bażika. Issa f’dawn il-mumenti kritiċi fejn importanti li jkun hemm dijanosi bikrija, dawn it-tfal qegħdin minflok jistennew fil-‘waiting list’ ġewwa s-CDAU!
Għalkemm il-professjonalisti li jaħdmu fis-CDAU jaħdmu sew, l-ambjent u l-‘waiting list’, li hija ta’ ’l fuq minn sena, hija xi ħaga li għandha tinkwetana. Dan ifisser li meta f’dawn is-snin, dawn it-tfal għandhom bżonn l-għajnuna, qegħdin minflok jistennew fil-kju! U se jagħmlu dawn it-tfal sadanittant? Ħafna drabi l-ġenituri jkollhom jieħdu lill-uliedhom fil-privat. Għalkemm f’dan il-baġit kien hemm żieda għall-ispejjeż ta’ terapija, kulħadd jaf li dan mhux biżżejjed.
Nuqqas ieħor huwa li wara li jgħaddu mis-CDAU u jibdew jattendu l-iskola, numru ta’ dawn it-tfal jispiċċaw mingħajr LSEs. Nistaqsi lill-Ministru għall-Edukazzjoni kemm hemm nuqqas ta’ LSEs u jweġbni li se jagħtini r-risposta f’seduta oħra! Jidher ċar li hemm nuqqas ta’ LSEs u xi wħud b’nuqqas ta’ preparazzjoni fis-suġġetti ta’ newrodiverġenza.
Mhux l-ewwel darba wkoll li l-ġenituri jintalbu biex ma jibqgħux iġibu dawn it-tfal jew inkella jġibuhom 1/2 fil-ġimgħa għal 2/3 sigħat! Dan kollu qed iwassal biex dawn it-tfal minn età bikrija qed ikunu mwarrba taħt skuża jew oħra!
Issa xi ħadd jgħidli li dak kollu li semmejt mhux fir-‘remit’/responsabbiltà tal-Ministeru tal-Inklużjoni għax is-CDAU jaqa’ taħt il-Ministeru tas-Saħħa, filwaqt li LSEs jaqgħu taħt l-edukazzjoni. U propju hawn hija l-problema u għal dan xtaqt niġi.
Nagħlqu l-lakuni
Filwaqt li tajjeb li għandna ministeru għall-inklużjoni, imma nemmen li hemm frammentazzjoni tas-servizz u tad-deċiżjonijiet fuq livell ta’ ‘policy’. Din il-frammentazzjoni; edukazzjoni, saħħa, politika soċjali, qed idgħajjef il-kwalità tal-interventi tagħna. Sfortunatament diversi jbatu minn ‘silos mentality’, jiġifieri kulħadd jaħdem għalih.
Allura wasal iż-żmien li l-Ministru responsabbli mill-inklużjoni u n-newrodiverġenza jkollu r-responsabbiltà ta’ deċiżjonijiet mill-A saż-Ż mingħajr ma jiddependi minn ministeri oħra li jistgħu jkollhom ħsibijiet u prijoritajiet differenti?
Wasal iż-żmien li dan il-Ministeru jkun ONE STOP SHOP tas-servizzi/‘policies’ kollha li dawn it-tfal u l-familji tagħhom ikollhom bżonn. B’hekk wieħed ma jispiċċax mingħand Pilatu għal għand Kajfa.
Nemmen li l-proposta li jkun hemm ONE STOP SHOP MINISTRY tista’ tgħin kemm lill-amministrazzjoni biex tagħlaq ċertu ‘gaps’, kemm għall-ġenituri biex ma jispiċċawx jiġru minn post għal ieħor, u kemm għat-tfal li għandhom bżonn l-interventi bikrin.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 3 ta’ Diċembru, 2025.
//= $special ?>

