Internazzjonali

Stati Uniti: Il-Kap tal-Homeland Security tinsisti biex il-bibien tal-pajjiż jingħalqu għal aktar barranin

Is-Segretarju Amerikan għall-Homeland Security (l-Intern) Kristi Noem qalet li beħsiebha timponi restrizzjonijiet riġidi ġodda għall-ivvjaġġar minn diversi pajjiżi speċifiċi lejn l-Istati Uniti….Pajjiżi li, fi kliemha, qegħdin ‘jgħarrqu’ lill-Istati Uniti bl-attività kriminali.

Fl-istess ħin, Noem bagħtet messaġġ fuq il-media soċjali biex tikkonferma li hi ltaqgħet mal-President Amerikan Donald Trump  fejn issuġġeriet ‘travel ban’ sħiħ għal kull pajjiż li, skont hi, ‘qegħdin jibgħatu l-qattiela u persuni oħrajn bil-potenzjal li jdgħajjfu lis-sisien soċjali fl-Istati Uniti.’

Dan ukoll meta Trump u d-Dipartiment għall- Homeland Security (DHS) iċċirkulaw  il-‘post’ ta’ Noem fuq il-media soċjali rispettivi.

Intant, mistenni li dan id-Dipartiment se jħabbar dalwaqt il-lista tal-pajjiżi faċċjati b’din il-projbizzjoni. Fl-istess ħin, mhux magħruf meta l-projbizzjoni għandha tidħol fis-seħħ b’mod uffiċjali.

Fl-aħħar sigħat, is-Segretarju Stampa tal-White House, Karoline Leavitt, mill-ġdid fakkret li Donald Trump, xi xhur ilu, kien ħabbar din il-projbizzjoni speċifikament ‘għall-pajjiżi falluti u tat-Tielet Dinja’. Dan meta l-lista ta’ pajjiżi mistennija tikber fuq ir-rakkmandazzjonijiet ta’ Kristi Noem innfisha.  

Magħruf, intant, li l-pajjiżi fil-mira tat-travel ban u restrizzjonijiet oħrajn simili, fil-parti kbira, jiffurmaw parti mill-kontinent Afrikan, il-Lvant Nofsani u l-Karibew. U biż-żidiet ta’ Noem għandu jkun hemm talanqas 30 pajjiż iddikjarat ‘non-grata’ minn Washington.

Qabel il-laqgħa ma’ Trump, Noem, permezz tal-media soċjali, irreferiet għall-100,000 Afgan li daħlu l-Istati Uniti taħt il-programm. Operation Allies Welcome li saret effettiva taħt l-eks-President Amerikan Joe Biden. Intant, id-Dipartiment għall-Homeland Security qed jaħseb ukoll għal riforma sħiħa fil-proċess tal-vetting għall-barranin li qed ifittxu residenza fl-Istati Uniti.