Internazzjonali

Stati Uniti: Rebħa Repubblikana f’Tennessee….iżda d-distakk mad-Demokratiċi naqas sew

Il-Partit Repubblikan fil-Gvern rebaħ elezzjoni mill-aktar missielta għal siġġu fil-Kungress u li kienet konkluża, fl-aħħar sigħat, fl-Istat ta’ Tennessee…Din l-elezzjoni speċjali, sadanittant, kienet eżami bikrija għal kemm id-Demokratiċi fl-Oppożizzjoni kapaċi joffru sfida qawwija lir-Repubblikani waqt l-hekk-imsejħa mid-term elections li jsiru s-sena d-dieħla fl-Istati Uniti.

Intant, il-kandidat Repubblikan Matt Van Epps għeleb lill-isfidanta Demokratika, Aftyn Behn, b’disa’ punti perċentwali u b’hekk, ir-Repubblikani baqgħu jżommu l-maġġoranza żgħira fil-Kamra tar-Rappreżentanti.

Madankollu, xi osservaturi qed jgħidu li l-kitba qiegħda fuq il-ħajt għar-Repubblikani minħabba li l-marġni tar-rebħa f’Tennessee irriflettiet anqas min-nofs tal-appoġġ li l-Partit ta’ Trump kien rebaħ waqt il-vot preċedenti ta’ kważi sena ilu.

L-elezzjoni f’Tennessee attirat l-attenzjani minn madwar l-Istati Uniti, bil-media Amerikana taqbel li din serviet anki bħala ‘barometru’ għall-prospetti ġenerali taż-żewġ partiti ewlenin.

U l-fatt li x-xejra dehret tinqaleb bil-mod il-mod lejn id-Demokratiċi ma kienx mitluf ma’ diversi esponenti ewlenin tal-Partit Repubblikan.

Fil-fatt, is-Senatur veteran Ted Cruz, waqt li kien qed jirreaġġixxi għar-riżultat, ammetta li ‘l-affarijiet, sa ftit qabel ir-riżultat, kienu qed jidhru perikolużi ferm għar-Repubblikani’.

Cruz qal li r-riżultat dam daqshekk inċert għaliex ħarġu jivvutaw kważi r-residenti kollha ta’ Tennessee li, fi kliemu, ‘ma jaħmlux lil Donald Trump’. Hu kompla li r-riżultat qed juri wkoll li l-elezzjonijiet tal-mid-term kapaċi jkunu deċiżi minn kemm il-partitarji tar-Repubblikani jiddeċiedu biex joħorġu jivvutaw u jagħtu l-verdett dwar il-Gvern f’nofs-il-mandat.