Lokali Qorti

11-il sena ħabs u multa ta’ €23,000 fuq importazzjoni u traffikar ta’ kannabis grass

Il-Qorti Kriminali, preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, ikkundannat lil Goran Dimovski mill-Maċedonja għal 11-il sena ħabs u multa ta’ €23,000 wara li wieġeb ħati minflok għadda ġuri għall-importazzjoni u l-konfoffa biex tinbiegħ il-kannabis grass f’Malta.

Dimovski, li għandu karta tal-identità Maltija kien ġie mixli li rrelata ma’ attivitajiet ta’ droga li seħħew fit-21 ta’ April 2022 u fil-jiem ta’ qabel, li kienu jinkludu lGimportazzjoni ta’ droga perikoluża u konfoffa biex tiġi nnegozjata fil-Gżejjer Maltin.

Meta tressaq quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo huwa ġie mixli bit-traffikar tad-droga wara li allegatament ħa pussess ta’ pakkett mibgħut bil-posta li kien fih 13-il kilo kannabis. Il-prosekuzzjoni sostniet li l-pakkett kien ġie mniżżel fl-indirizz tal-imputat u li dan ħadu mingħajr ma kien jaf li kien qed jiġi osservat mill-Pulizija.

L-Ispettur Marshall Mallia li ressaq lil Goran Dimovski, kien spjega li l-investigazzjoni kienet bdiet wara suspett fuq pakkett internazzjonali li deher li kien fih droga. Segwitu kien imwaqqaf u l-pakkett infetaħ fil-preżenza tal-Pulizija, fejn instabu l-kwantitajiet sostanzjali ta’ kannabis maħżuna b’mod li jindika traffikar.

L-Ispettur Mallia spjega fil-Qorti kif fl-20 ta’ April tal-2022, uffiċjali tad-Dwana fl-ajruport ta’ Ħal Luqa interċettaw pakkett indirizzat lil Goran Dimovski fir-residenza tiegħu f’Marsaskala, li kien fih 13-il kilo kannabis. L-ispettur qal li meta ġie interrogat, l-akkużat ammetta li kellu jirċievi l-pakkett u jgħaddih lil terza persuna li ma kienx jaf min hi, bi ħlas ta’ elf ewro.

Dimovski nqabad barra d-dar tiegħu f’Marsaskala. Il-Qorti semgħet kif il-kunsinna saret minn uffiċjal tal-Pulizija liebes ta’ ‘courier’ sabiex il-pjan ta’ arrest ikun jista’ jitwettaq b’mod sigur, għalkemm dan l-uffiċjal ma wettaqx l-arrest innifsu. Tliet uffiċjali oħra flimkien mal-Ispettur Mallia kienu dawk li effettivament arrestaw lil Dimovski hekk kif irċieva l-pakkett.

L-akkużat, ta’ nazzjonalità Maċedonjana, kien qal lill-Qorti li jaħdem bħala sewwieq tal-kunsinni u li ma kellu l-ebda rabta direttament ma’ xi organizzazzjoni kriminali. Hu ġie mixli bi traffikar u importazzjoni ta’ droga perikoluża, kif ukoll b’pussess ta’ drogi bi skop ta’ negozju, taħt il-proviżjonijiet tal-Ordinanza dwar id-Drogi Perikolużi.

Il-każ kien beda jinstema’ quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u eventwalment ġie trasferit quddiem il-Qorti Kriminali. L-akkużat kien ressaq diversi talbiet preliminari, kif ukoll il-Prosekuzzjoni, iżda dawn ġew deċiżi mill-Qorti f’Ottubru tal-2024, u kontra d-deċiżjoni ma sarx appell. Il-ġuri tiegħu kien ippjanat biex jibda fi Frar 2026.

Madankollu, fit-2 ta’ Diċembru 2025 il-Prosekuzzjoni u d-difiża ressqu applikazzjoni konġunta li fiha qalu li laħqu ftehim dwar il-piena skont l-Artikolu 453A tal-Kodiċi Kriminali. Skont dan il-ftehim, jekk l-akkużat jammetti l-ħtija quddiem il-Qorti, il-piena tkun ta’ 11-il sena priġunerija u multa ta’ €23,000 flimkien mas-sanzjonijiet obbligatorji taħt il-liġi tad-drogi, inkluż il-konfiska tal-proprjetà.

Fil-ftuħ tas-seduta tal-4 ta’ Diċembru 2025, Dimovski, assistit mill-avukat tiegħu, ammetta l-akkużi kollha u kkonferma li fehem il-konsegwenzi legali tal-ammissioni tiegħu u li kien qed jaċċetta l-piena miftiehma. Il-Qorti staqsietu jekk kellux bżonn aktar ħin biex jerġa’ jaħseb, iżda huwa rrifjuta u kkonferma l-ammissjoni ta’ ħtija.

Fl-analiżi tagħha, il-Qorti qieset il-fatt li Dimovski għandu kondotta nadifa, iżda enfasizzat ukoll is-serjetà tal-akkużi relatati mad-droga. Il-Qorti rrimarkat fuq il-prinċipji stabbiliti fil-ġurisprudenza Maltija u Ingliża dwar l-effett ta’ ammissjoni ta’ ħtija fuq il-piena, u nnotat li minkejja li l-ammissjoni waslet fi stadju relattivament tard, kien xorta evitat ġuri, spejjeż u preparazzjonijiet estensivi.

Għaldaqstant, il-Qorti aċċettat il-piena proposta fil-ftehim bejn il-partijiet u kkundannat lil Dimovski għall-perjodu miftiehem. Barra l-ħabs u l-multa, il-Qorti ordnat ukoll li jħallas €2,755.17 fi spejjeż ta’ esperti fi żmien tliet xhur.

Il-Qorti ordnat li l-oġġetti esibiti relatati mad-droga jiġu meqruda taħt superviżjoni tar-Reġistratur, sakemm ma jintalabx mod ieħor mill-Avukat Ġenerali. Barra minn hekk ġiet ordnata l-konfiska tal-proprjetà kollha tiegħu skont il-liġi.

Il-proċedura ntemmet bis-sentenza formali tal-Qorti li ddikjarat lill-akkużat ħati fuq iż-żewġ kapijiet tal-akkuża u imponiet fuqu l-pieni kollha preskritti bil-liġi.