Lokali Qorti

Annullati l-proċeduri fuq irregolaritajiet fuq każ ta’ ġrieħi gravi u reati oħra

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, annullat kompletament il-proċeduri kollha li saru quddiem il-Qorti tal-Maġistrati fil-każ kontra Wayne Delia ta’ 40 sena, wara li saret evidenti li fil-proċess seħħew diversi irregolaritajiet sostanzjali li wasslu għal nuqqas ta’ ċertezza dwar ta’ xiex kien akkużat eżatt u ta’ xiex instab ħati.

Il-każ, li jmur lura għall-2020, kien jinvolvi numru sostanzjali ta’ akkużi relatati ma’ ġrieħi gravi lil Omar Joseph Trabelsi, theddid, serq aggravat ta’ żewġ vetturi f’okkażjonijiet differenti, ħsarat volontarji, riċevuta ta’ oġġetti misruqa u diversi ksur ta’ kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja.

L-inċident kien seħħ talli nhar id-9 ta’ Mejju ta’ ħames snin ilu għall-ħabta ta’ bejn d-9pm. u l-10.45pm. ġewwa l-Komunita’ ta’ Santa Marija f’Ħal Farruġ, f’Ħal Luqa mingħajr il-ħsieb li joqtol jew li jqiegħed il-ħajja ta’ ħaddieħor f’periklu ċar ikkaguna ħsara fil-ġisem jew fis-saħħa ta’ Omar Joseph Trabelsi, liema ġrieħi huma ta’ natura gravi, jew ġab disordni f’moħħu kif iċċertifika Dr. Sean Francalanza miċ-Ċentru tas-Saħħa fil-Floriana.

L-ewwel Qorti kienet sabet lil Delia mhux ħati ta’ xi akkużi, iżda ħati ta’ oħrajn u kkundannatu 16-il xahar ħabs, kif ukoll ordnat konfiski parzjali ta’ depożiti relatati ma’ ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti tal-Appell osservat li l-Ewwel Qorti naqset milli tikkonforma mal-obbligu fundamentali impost mill-Artikolu 382 tal-Kodiċi Kriminali, li jobbliga lill-Qorti tiddikjara b’mod espliċitu l-fatti li minnhom l-imputat ikun instab ħati u ssemmi b’mod korrett il-liġijiet applikabbli.

Minflok, is-sentenza tal-ewwel istanza semmiet numru ta’ artikoli mingħajr ma talbet il-kapitolu jew il-qafas legali tagħhom, ħalliet inċerti l-fatti eżatti u indikazzjonijiet oħrajn kienu jew żbaljati jew irrelevanti. Din il-Qorti enfasizzat ukoll li n-nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 382 hu biżżejjed biex jikkawża n-nullità tas-sentenza, u dan anke jekk l-appellant ma jqajjimx dan il-punt fil-proċeduri tiegħu.

Iktar minn hekk, l-Appell qajjem kwistjoni serja dwar il-korrezzjonijiet li saru fl-imputazzjonijiet waqt li kien għaddej il-kumpilazzjoni. Il-prosekuzzjoni kienet talbet li jsiru żewġ emendi fil-ħames u s-seba’ imputazzjoni u dawn ġew milqugħa mill-Qorti f’Diċembru 2020.

Madankollu, mill-evidenza proċedurali deher li ċ-ċitazzjoni “kif korretta” ma kinitx tikkorrispondi fil-kontenut mal-korrezzjonijiet li fil-fatt saru u lanqas mal-imputazzjonijiet kif elenkati fis-sentenza tal-Ewwel Qorti. Dan ħoloq stat ta’ inċertezza dwar liema kienu l-akkużi finali li l-imputat kellu jwieġeb għalihom u li fuqhom kienet ibbażata l-evalwazzjoni tal-Qorti.

Barra minn hekk, żewġ imputazzjonijiet kienu elenkati fis-sentenza tal-ewwel istanza b’mod li ma jikkorrispondix maċ-ċitazzjoni uffiċjali li tinsab fl-atti. Fid-dawl ta’ dawn l-irregolaritajiet kollha, li l-Qorti tal-Appell qiesithom bħala nuqqasijiet formali sostanzjali li jaffettwaw il-validità tal-proċess kollu, ġie deċiż ex officio li l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u s-sentenza tagħha jiġu ddikjarati nulli.

Sabiex il-partijiet ma jitilfux id-dritt għal eżami doppju, kif tipprovdi l-liġi, il-Qorti ordnat li l-atti kollha tal-kawża jintbagħtu lura quddiem il-Qorti tal-Maġistrati sabiex il-każ jerġa’ jinstema’ mill-ġdid u jiġi deċiż skont il-liġi, bħallikieku l-proċess jibda mill-bidu nett.

Din id-deċiżjoni tfisser li l-proċess kollu kontra Wayne Delia għandu jerġa’ jinxteħet mill-ġdid quddiem l-ewwel istanza, inkluż il-qari taċ-ċitazzjoni u l-provi kollha, sabiex ikun assigurat li l-proċeduri jimxu b’mod korrett u konformi mal-prinċipji fundamentali tal-proċess kriminali.