Internazzjonali

Federica Mogherini tirriżenja minn Rettur tal-Kulleġġ tal-Ewropa fost akkużi ta’ frodi

Federica Mogherini, l-eks Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni Ewropea, irriżenjat minn rettur tal-Kulleġġ tal-Ewropa fi żmien meta qed tiffaċċja akkużi ta’ frodi u korruzzjoni…Dan bħala parti minn investigazzjoni li qed imexxi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

Il-Kulleġġ tal-Ewropa hi università li tispeċjalizza fl-Affarijiet Ewropej u meta Mogherini kienet ilha sservi bħala rettur ta’ din l-istituzzjoni sa mill-2020.

Mogherini, fl-ittra ta’ riżenja, qalet, fost oħrajn, li tħossha kburija bir-riżultati ta’ prestiġju ta’ dan il-Kulleġġ.

Intant, l-istess Mogherini hi fost tlett suspettati li diġà għaddew minn interrogazzjoni wara li l-awtoritajiet Belġjani wettqu tfittxijiet fl-uffiċini tal-European External Action Service (EEAS), kif ukoll fil-Kulleġġ tal-Ewropa fil-belt ta’ Bruges u f’numru ta’ djar privati.

L-investigazzjoni qed tikkonċentra fuq l-Akkademja Diplomatika tal-Unjoni Ewropea li tinvolvi kors ta’ taħriġ, imqassam fuq disa’ xhur, għad-diplomati żgħażagħ. It-tmexxija tal-kors kienet ikkonfermata permezz ta’ tender pubbliku lill-Kulleġġ tal-Ewropa fil-Belġju…Tender li kien ressaq bejn l-2021 u l-2022.

Il-Prosekuturi, intant, iridu jiddeterminaw jekk il-European External Action Service kisirx il-liġijiet għall-għoti tat-tenders permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni mal-Kulleġġ qabel il-konferma formali tal-proġett.

Intant, Federica Mogherini qed tiċħad li abbużat mis-sistema għal gwadann personali u fejn qed tirribatti l-akkużi miġbura kontra tagħha.