“Fittex l-għajnuna għax għad hemm it-tama u ċ-ċans għal ħajja aħjar.”
Hekk sostniet Sarah Bajada f’attivita li organizzat l-MNPN b’kollaborazzjoni mal-Malta Women’s Lobby dwar il-vjolenza fuq in-nisa u n-nuqqasijiet li jeħtieġ li jiġu ndirizzati b’rabta ma’ dan il-qasam.
Matul din l-attività intweriet xena qasira meħuda mill-play “Borma Tbaqbaq”. Play li toħloq paralelliżmu bejn it-tixbħa ta’ Malta li ġie maħkuma għal mijiet ta’ snin u n-nisa li huma vittmi ta’ vjolenza domestika – realta li għadha tippersisti sallum il-ġurnata.
Marie Claire Zammit, President tal-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista sostniet kif, fl-2024 f’Malta kien hawn 3,798 individwu li marru jirrapurtaw każ ta’ vjolenza domestika – żieda ta’ 5.7 fil-mija meta mqabbla mal-2023. Kompliet tgħid li t-triq hija twila u kull vittma, sew jekk hux mara jew raġel ħaqqha protezzjoni, ħaqqha tgħix fil-paċi, ‘il bogħod minn kull biża’. U ħajjitha mhux tiġi mitmuma għall-għarrieda.
Tyron Grima li huwa d-direttur tal-play “Borma Tbaqbaq”, spjega kif din ir-rappreżentazzjoni ġiet prodotta u miktuba minn tlett nisa; Valerie Buhagiar, Pauline Fenech u Angele Galea.
Wara li ntweriet ir-rappreżentazzjoni saret diskussjoni fejn dawk kollha li kienu preżenti analizzaw x’qed iwassal biex il-każijiet ta’ vjolenza domestika qed ikomplu jiżdiedu fin-numru. Filwaqt li issemmew proposti u soluzzjonijiet li jitstgħu jgħinu lil vittmi tal-vjolenza joħorġu mis-sitwazzjoni li qegħdin fiha.
Matul din id-diskussjoni ingħad fost l-oħrajn illi minkejja l-għarfien li hawn biex mara tqum fuq saqajha u tfittex l-għajnuna xorta waħda għad hawn awtoritajiet li ma jemmnux jew ma jieħdux bis-serjeta dak li tkun għaddejja minnu persuna vjolentata.
Minħabba li n-numru ta’ nisa li qed ikomplu jisfaw vittmi ta’ vjolenza domestika qed jiżdied – minkejja l-ħafna xogħol li sar, intqal illi jeħtieġ bidla fil-liġi – apparti minn hekk in-nies saħqu dwar il-fatt li pajjiżna jeħtieġ aktar sistemi u strutturi li jipproteġu l-mara.
Preżenti għal din l-attivita kien hemm numru ta’ deputati, kandidati u rappreżentanti tal-fergħat differenti tal-PN.




