Lokali

Galdes jgħid: “Il-penthouse kienet riskju”

“Jien qatt ma bżajt. Il-penthouse li xtrajt kienet riskju”.

Hekk stqarr il-Ministru Roderick Galdes meta kien intervistat fuq ir-radju RTK dwar il-kontroversja tal-penthouse li xtara fir-Rabat Għawdex, fejn fl-ebda ħin ma ddikjara li lest jippreżenta b’mod pubbliku d-dokumenti li juru kemm ħallas taxxa fuq din il-proprjetà.

Il-Ministru Roderick Galdes qed jibqa’ jinsisti li din l-istorja kollha hija spin. U skont hu, anke lill-Prim Ministru qallu li hi “montatura”.

Fuq l-RTK, Galdes insista li hu qatt ma iltaqa’ ma’ Joseph Portelli meta xtara din il-penthouse. Iżda qal li ġieli iltaqa’ miegħu f’okkażjonijiet oħrajn.

F’ħin minnhom waqt l-intervista, il-preżentatur Matthew Xuereb irrimarka lil Galdes: “Int għandek ħames proprjetajiet!” Bil-Ministru jwieġeb, “ma jimpurtax”.

Intant, il-Ministru Galdes ikkonferma li bħalissa hemm waiting list kbira ta’ bejn 1,800 u 1,900 persuna li qed jistennew appartament tal-housing.

Il-kelliem tal-PN Ivan Bartolo minn naħa tiegħu fakkar fl-inizjattivi importanti li mexxa Gvern Nazzjonalista tul is-snin għas-settur tal-housing. U dawn l-inizjattivi tant kienu pożittivi li anke l-Labour baqa’ jibni fuqhom.