Hacker Franċiż ta’ 24 sena, Martin Laurent, ġie akkużat il-Ħamis li seraq id-dominju (domain) ta’ websajt minn kumpanija Maltijja li fuq ordni tal-qorti ma tistax tissemma’ isimha. Laurent, permezz ta’ żewġ indirizzi email foloz, ipprova jbigħ id-dominju għal €70,000, iżda l-prosekuzzjoni qalet li ma kienx hemm kunċett ta’ xi rikatt fuq il-kumpanija.
Wara l-investigazzjonijiet, il-Pulizija segwiet l-indirizz IP tiegħu sa appartament f’il-Gżira, fejn b’ordni ta’ arrest u b’ordni ta’ tfittxija sabu diversi phones, laptops u Flipper Zero, apparat multifunzjonali ta’ hacking portabbli. Kien hemm ukoll ‘computer tower’ ferm tqil li tnejn mill-uffiċjali kellhom bżonn iġorruh fil-qorti, flimkien ma’ apparat elettroniku ieħor li ġie ppreżentat fil-qorti.
Fil-qorti, quddiem il-Maġistrat Victor Axiak, wara diskussjonijiet bejn il-prosekuzzjoni u l-avukat difensur Françoise Dalli, Laurent ammetta l-akkużi u ngħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, u multa ta’ €10,000.
//= $special ?>

