Lokali Qorti

Il-Qorti tal-Appell illiberat mara minn disa’ xhur ħabs fuq tlajjar għal skop ta’ prostituzzjoni

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, ħelset lil Elaine Diacono, li kienet misjuba ħatja mill-Qorti tal-Maġistrati b’akkużi relatati ma’ tlajjar għall-prostituzzjoni jew skopijiet immorali.

Diacono, ta’ 43 sena, kienet ikkundannata għal disa’ xhur ħabs effettivi fid-deċiżjoni oriġinali tat-8 ta’ Ottubru 2025. L-appell tagħha, preżentat nhar it-23 ta’ Ottubru 2025, jinkludi t-talba biex il-Qorti tirrevoka l-ħtija u tilliberaha, jew alternattivament tnaqqas il-piena għal sanzjoni aktar ekwa.

Il-każ għandu l-oriġini tiegħu nhar il-25 ta’ Ġunju 2024, meta l-Pulizija rrappurtaw li sabu lil Diacono fi Triq Giuseppe Cali, Ta’ Xbiex, u wara li ġiet imwissija biex ma tibqax fil-lokal, ġiet innutata mill-ġdid fl-istess triq. L-akkużi involvew it-tlajjar għall-prostituzzjoni.

Fl-appell tagħha, Diacono sostniet li l-ewwel qorti għamlet apprezzament żbaljat tal-provi u tal-liġi u li ma kienx hemm prova ċara li turi li kienet qed titlajja b’xi skop immorali. L-avukati tagħha enfasizzaw li l-oneru tal-prova huwa fuq il-prosekuzzjoni u li l-evidenza ppreżentata kienet insuffiċjenti biex tissodisfa l-istandard ta’ “mingħajr dubju raġonevoli”.

Il-Qorti tal-Appell irriflettiet dwar diversi sentenzi preċedenti fejn ġie enfasizzat li biex persuna tkun misjuba ħatja talli “titlajja jew tagħmel biex tħajjar”, irid ikun hemm evidenza ċara u univoka tal-intenzjoni u l-imġiba tagħha. Il-Qorti qalet ukoll li evidenza cirkostanzjali tista’ tkun suffiċjenti jekk tkun univoka u sħiħa, iżda fil-każ ta’ Diacono, ma kien hemm l-ebda prova li tindika b’mod ċar l-iskop immorali jew tal-prostituzzjoni.

Fuq livell tal-piena, il-Qorti tal-Appell iddiskutiet jekk id-disa’ xhur ħabs effettivi kienu eċċessivi. Il-Qorti rikonoxxiet li l-piena trid twieġeb għall-iskopijiet ta’ protezzjoni tas-soċjetà, iżda trid tkun proporzjonata mal-fatti u l-karattru tal-imputat. Fil-każ ta’ Diacono, il-fatt li ilha snin twal mingħajr involviment f’każi kriminali oħra, jissuġġerixxi li l-piena mogħtija kienet sproporzjonata.

Il-Qorti qalet li b’dispjaċir kbir tinnota li l-prosekuzzjoni ma laħqitx il-grad ta prova rikjesta dwar l-esiżtenza tal-ewwel akkuża. Dan qed jingħad għaliex l-uffiċjal tal-pulizija li xehdet kienet skarsa ħafna bix-xhieda tagħha. La spjegat x’kienet qed tagħmel Diacono, salv li kienet fi Triq Giuseppe Cali, la x’kienet libsa dak il-ħin ta’ bil-lejl, la jekk rawhiex twaqqaf xi nies biex tkellimhom, la iddekskriviet l-akkwati kinux mudlama jew le.

Ma hemm l-ebda prova ċirkostanzjali ma’ xiex il-Qorti tista’ torbot il-ħtija tal-appellanti. Il-fatt li kienet fit triq fil-ħinijiet bikrin ta’ filgħodu waħedha ma twassalx ghal prova tal-ewwel akkuża.

Is-seduta li saret nhar fl-24 ta’ Novembru 2025 rriżultat f’ħidma sħiħa fuq il-provi ppreżentati quddiem l-Ewwel Qorti.

L-evidenza ppruvata kienet ibbażata prinċipalment fuq ix-xhieda ta’ Kuntistabbli u Assistent Registratur Stephanie Calafato Testa, li kkunsidraw ir-rekords preċedenti u l-osservazzjonijiet tagħhom fl-inħawi ta’ Ta’ Xbiex. Madankollu, il-Qorti tal-Appell sejħet biex tikkunsidra jekk il-konklużjoni tal-Ewwel Qorti kenitx tasal b’mod “safe and satisfactory” u raġonevoli fuq il-provi kollha.