Edukazzjoni Knisja Lokali

Is‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika u l‑Assoċjazzjoni tal‑Iskejjel tal‑Knisja (CSA) jwissu kontra reazzjonijiet mgħaġġla għal li ġara fi skola f’Pembroke

Is‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika u l‑Assoċjazzjoni tal‑Iskejjel tal‑Knisja (CSA) jesprimu s‑solidarjetà tagħhom mal‑komunità li ġiet affettwata minħabba l‑inċident li seħħ it‑Tnejn li għadda fi skola f’Pembroke, fejn student ġie attakkat minn student ieħor b’sikkina. Huma qed jitolbu għall‑kawtela kontra reazzjonijiet mgħaġġla għal dan l‑inċident inkwetanti.

Filwaqt li s‑Segretarjat u s‑CSA jifhmu li n‑nies huma xxukkjati u mħassba, dan l‑avveniment jitlob riflessjoni, analiżi, u impenn bejn kull min hu kkonċernat biex jiġi żgurat li l‑iskejjel jibqgħu ambjenti siguri u ta’ għożża għal kulħadd.

Inħeġġu lill‑awtoritajiet biex jadottaw approċċ uman, olistiku, u edukattivament sod sabiex l‑iskejjel jibqgħu postijiet ta’ tagħlim u tkabbir, li jilqgħu lil kulħadd, u fejn kull student iħossu rispettat, protett, appoġġjat u apprezzat.

Is‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika u l‑Assoċjazzjoni tal‑Iskejjel tal‑Knisja huma lesti li jappoġġjaw lill‑istakeholders kollha biex titrawwem kultura ta’ għożża, djalogu, u responsabbiltà li tindirizza l‑isfidi mill‑għeruq tagħhom aktar milli nirrikorru għal soluzzjonijiet mgħaġġla li jistgħu jikkawżaw ħsara fit‑tul lis‑sistema edukattiva tagħna.