Issa għandna l-konferma li biex Jason Micallef kesa Ta’ Qali biż-żrar, nefaq aktar minn €300,000 waqt li x-xogħol li sar kien bla permess u ma nħareġ l-ebda tender imma ngħatat direct order lil kuntrattur li huwa viċin ħafna tal-Prim Ministru Robert Abela.
Minkejja dan kollu, il-poplu Malti għadu qed jistenna l-ħaxix fil-picnic area f’Ta’ Qali jerġa’ jikber, anke jekk l-Eks Segretarju Ġenerali Laburista u Delegat Speċjali ta’ Robert Abela qalilna li mal-ewwel xita se jerġa’ jkollna tapit aħdar naturali biex is-sit ikun jista’ jerġa’ jibda jitgawda mill-familji.
Kellha tkun Mistoqsija Parlamentari tax-Shadow Minister għall-Ambjent Rebekah Borg biex insiru nafu kemm intefqu flus mit-taxxi tal-poplu biex din iz-zona tal-picnics f’Ta’ Qali ġiet żverġnata mid-dehra naturali tagħha.
U issa kellna nsiru nafu wkoll li dan ix-xogħol huwa illegali: ma nħarġet l-ebda offerta pubblika, u wisq inqas inħarġu permessi mill-awtoritajiet biex jitqiegħed iż-żrar fil-post. Żrar, li skont it-tagħrif li ngħata fi tweġiba ta’ paġna mogħtija fil-Parlament, ġie impurtat mill-Greċja. Ma sar lanqas l-ebda studju dwar l-impatt ambjentali, apparti li ma nkisbu l-ebda permessi li kienu meħtieġa skont il-liġi.
Sadanittant iz-zona għadha kif kienet u l-uniku ħaxix aħdar li tela’ kien biss taħt is-siġar u fil-passaġġi fejn ma ntefax iż-żrar. Anke jekk Jason Micallef – li jmexxi l-management tal-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali – bagħat il-bowsers tal-ilma fis-satra tal-lejl biex isaqqu ż-żrar bit-tama li l-ħaxix ma jdumx ma jerġa’ jitla’.
Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jappella għas-sens komun – iż-żrar illegali li swiena aktar minn €300,000 għandu jitneħħa immedjatament u s-sit għandu jitreġġa’ lura għall-istat oriġinali tiegħu biex il-familji Maltin ikunu jistgħu jerġgħu jibdew igawdu dan l-ispazju miftuħ kif jixirqilhom.
//= $special ?>

