Lokali Qorti

Konfermata: Deċiżjoni mit-Tribunal Industrijali li ordnat lil MCAST jagħtu allowance lil ‘Senior Lecturer’

Il-Qorti tal-Appell, preseduta mill-Imħallef Mark Simiana, tat is-sentenza tagħha fl-appell amministrattiv li nbeda minn Steve Zerafa kontra l-Malta College of Arts, Science & Technology (MCAST). L-appell sar kontra deċiżjoni tat-Tribunal Industrijali mogħtija fis-6 ta’ Ottubru 2023, li kienet laqgħet it-talbiet ewlenin ta’ Zerafa u ordnat lill-MCAST iħallsu allowance ta’ €680 fix-xahar mid-data li fiha hu laħaq ‘Senior Lecturer’.

Il-każ oriġina minn rikors li Zerafa kien ressaq fl-2020, fejn sostna li kien vittma ta’ trattament diskriminatorju għax ma kienx qed jingħata l-istess bonus jew allowance li għal snin twal kienu jingħataw oħrajn fil-grad tiegħu li kienu jservu fl-Istitut tal-ICT tal-MCAST. Huwa sostna li minkejja li kien jagħmel xogħol ta’ valur ugwali u kellu kwalifiki xierqa, baqa’ eskluż minn allowance li kienet tmur lura għall-2006 u li kienet saret prassi għal letturi tal-ICT.

Matul il-proċess quddiem it-Tribunal instema’ kif Zerafa ilu jaħdem fl-MCAST mill-2001, inizjalment fl-oqsma tal-computing u awtomazzjoni fl-Istitut tal-Inġinerija u Trasport. Huwa kien sar jaf li l-kollegi fl-ICT kienu ilhom għal snin twal jirċievu bonus sostanzjali li kien introdott meta l-gvern kien qed iħejji għall-proġett Smart City u kien hemm nuqqas ta’ professjonisti fil-qasam tal-ICT.

Dan il-bonus kien jinħareġ għall-għalliema tal-ICT biex jinżammu fil-qasam u biex il-kulleġġ jattira nies ġodda. Zerafa prova jsemma’ l-każ tiegħu mal-amministrazzjoni, iżda minkejja laqgħat u korrispondenza mal-Principal ta’ dak iż-żmien u oħrajn, it-talba tiegħu baqgħet mhux deċiża. Kien għalhekk li fetaħ proċeduri ta’ grievance, iżda lanqas dawk ma wasslu għal soluzzjoni.

It-Tribunal Industrijali, wara li analizza x-xhieda tal-partijiet u l-provi kollha prodotti, osserva li filwaqt li l-allowance kienet oriġinarjament intitolata għall-istaff tal-ICT minħabba l-ħtieġa urġenti ta’ żmien il-proġett Smart City, l-argument li din l-istruttura mitluba għadha valida wara aktar minn 17-il sena.

Il-provi wrew li Zerafa kellu kwalifiki u kapaċità ekwivalenti għal dawk li jaħdmu fil-ICT, li seta’ jkompli jħarreġ fl-istess suġġetti, u li l-unika differenza kienet li kien jaħdem fid-dipartiment tal-Inġinerija minflok l-ICT.

It-Tribunal sab li l-kriterji applikati mill-MCAST ma kinux biżżejjed biex jiġġustifikaw trattament tant differenti f’paga u allowances bejn żewġ gruppi ta’ impjegati li jaf ikunu jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli. Għaldaqstant iddikjara li Zerafa kien vittma ta’ diskriminazzjoni indiretta u ordna lill-MCAST jagħtih l-istess allowance ta’ €680 fix-xahar mid-data li fiha laħaq ‘Senior Lecturer’.

Għal din id-deċiżjoni tressqu żewġ appelli: wieħed prinċipali minn Zerafa u wieħed inċidentali mill-MCAST. Zerafa sostna li t-Tribunal żbalja meta rrikonoxxa l-allowance biss mid-data li laħaq Senior Lecturer, għax il-provi wrew li l-bonus kien jingħata wkoll lil letturi mhux anzjani fl-ICT, u għalhekk għandu jingħata lura anke għall-perjodu meta kien għadu Lecturer.

Huwa sostna wkoll li l-MCAST qatt ma ressqet eċċezzjoni li tikkundizzjona tali rimedju. Min-naħa l-oħra, l-MCAST sostna li t-Tribunal mexa żżejjed, li ma sarx paragun ġenwin “like with like”, u li Zerafa ma jissodisfax il-kriterji essenzjali għal tali allowance, fosthom li jkun formalment jaħdem fl-ICT u li jkollu ċerti kwalifiki speċifiċi.

Il-Qorti tal-Appell analizzat bir-reqqa l-fatti, id-dokumenti, il-kriterji tal-ICT allowance u l-ġurisprudenza dwar diskriminazzjoni diretta u indiretta. Il-Qorti nnotat li l-MCAST stess ammettiet li diversi letturi fl-ICT għandhom kwalifiki varjati u mhux dejjem uniformi, li hemm min jieħu l-allowance u min le, u li l-unika raġuni li Zerafa ma kienx qed jirċeviha kienet għax kien qed jaħdem f’istitutt ieħor minkejja li jgħallem suġġetti simili.

Il-Qorti qablet mal-konklużjoni tat-Tribunal li l-għan oriġinali tal-allowance kien wieħed temporanju u settorjali iżda li ma jistax jibqa’ jiġġustifika trattament mhux proporzjonat imbagħad, speċjalment meta l-MCAST kienet kontinwament tirrikonoxxi li Zerafa kien jaqdi xogħol ta’ valur ekwivalenti għall-kollegi fl-ICT u kien kapaċi jagħmel il-istess xogħol tagħhom.

Il-Qorti rrikonoxxiet ukoll li t-talba ta’ Zerafa għal trasferiment kienet ilha pendenti snin twal mingħajr risposta, u li anke fejn instabu vacancies fl-ICT, ma kienx hemm indikazzjoni li l-MCAST eżaminat seriament it-talba tiegħu. Dan wassal biex il-Qorti tqis dan bħala element ieħor li jsaħħaħ il-konklużjoni li l-istituzzjoni ma kinitx qed timxi b’parità ta’ trattament.

Wara li qieset kollox, il-Qorti laqgħet parzjalment l-appell ta’ Zerafa u ċaħdet l-appell inċidentali tal-MCAST. Hija kkonfermat li sar trattament diskriminatorju kontra Zerafa u li l-allowance għandha tingħata lilu bħal ma tingħata lill-kollegi tiegħu tal-ICT.

Il-Qorti, madankollu, kkonkludiet li l-allowance għandha tibqa’ tkun pagabbli mid-data li fiha huwa sar Senior Lecturer, minħabba li l-provi quddiem it-Tribunal ma kinux juru b’mod ċar biżżejjed il-komparazzjoni storika neċessarja għall-perjodu ta’ qabel meta kien għadu Lecturer. Il-bqija tad-deċiżjoni tat-Tribunal ġiet ikkonfermata, u l-MCAST ġiet ordnata tikkonforma mal-obbligi tagħha u tħallas il-ħlas b’lura dovuta skont id-data stabbilita.