Lokali Qorti

Konfermata sentenza sospiża fuq ġrieħi gravi fil-konfront ta’ tliet irġiel li sawwtu lil “seħibhom”

Il-Qorti ta’ l-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, irrifjutat l-appelli ta’ tliet irġiel Indjani – Ansar Kothezhath Nikarth Kunjali, Sony Raphel u Sistus Puthenthara Sebastian – u kkonfermat is-sentenzi sospiżi li kienu ngħataw fil-Qorti tal-Maġistrati f’Settembru li għadda.

It-tlieta kienu nstabu ħatja li fl-14 ta’ Awwissu 2022, f’residenza f’Msida, ikkawżaw ġrieħi gravi lil Jomon Savier, li kien jgħix magħhom taħt l-istess saqaf. Kull wieħed minnhom kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, flimkien ma’ ordnijiet ta’ trażżin ta’ tliet snin għall-protezzjoni tal-vittma.

L-appellanti sostnew li l-ewwel Qorti kienet żbaljat meta emmnet il-verżjoni tal-vittma meta, skont huma, dan ta’ xhieda kunfliġġenti u inkonsistenti. Huma sostnew ukoll li kien hemm lakuni fil-provi tal-prosekuzzjoni, fosthom in-nuqqas ta’ filmati CCTV, nuqqas ta’ testijiet tad-demm jew marki tas-swaba’, u assenza ta’ evidenza li l-arma allegata kienet intużat.

Barra minn hekk, l-irġiel argumentaw li kienu f’pożizzjoni vulnerabbli minħabba li huma ħaddiema barranin li jitkellmu b’mod limitat bl-Ingliż, u li l-piena imposta kienet twassal għal deportazzjoni immedjata li tħalli lill-familji tagħhom fl-Indja mingħajr sostenn.

Il-Qorti ta’ l-Appell madankollu rrimarkat li r-rwol tagħha mhuwiex li terġa’ tisma’ l-provi iżda li tivverifika jekk il-Qorti tal-Maġistrati setgħetx tasal b’mod raġonevoli u skont il-liġi għall-konklużjonijiet tagħha. L-Imħallef Camilleri enfasizza li l-vittma ta’ xhieda b’mod dettaljat dwar kif ġie aggredit, inkluż min kien qed iġib arma u kif ġie milqut, u li x-xhieda tiegħu kienet konsistenti fil-partijiet essenzjali tagħha.

Hu nnota wkoll li tnejn mill-ġirien kienu semgħu jew raw parti mill-ġlieda, fosthom wieħed li sab lill-vittma waqt li kien għadu jiġi milqut. Rapporti mediċi u forensiċi kkonfermaw fratturi fil-imnieħer u ġrieħi oħra li kienu jikkorrispondu mal-verżjoni tal-vittma.

Dwar l-allegata diffikultà lingwistika, il-Qorti osservat li l-appellanti ngħataw interpretu kemm fl-istqarrijiet mal-pulizija kif ukoll fit-testimonjanzi tagħhom, u li kienu kapaċi jwieġbu għal ħafna mistoqsijiet mingħajr problemi, ħlief meta kienu mistoqsija direttament dwar l-aggressjoni. Il-Qorti qieset li l-argument li l-vittma kien taħt l-influwenza tal-alkoħol jew il-kannabis u li attakka hu l-ewwel ma kienx sostnut bi prova kredibbli.

Fir-rigward tal-piena, l-Imħallef Camilleri fakkar li l-qrati Maltin normalment jikkunsidraw il-ħabs bħala piena xierqa f’każijiet ta’ vjolenza fuq il-persuna, iżda f’dan il-każ il-Qorti tal-Maġistrati kienet diġà tat piena sospiża minħabba l-kondotta nadifa tal-appellanti.

Il-Qorti ta’ l-Appell qieset li ma kien hemm ebda raġuni biex tintervjeni jew tnaqqas il-piena, avolja fehmet it-tħassib tal-appellanti dwar il-konsegwenzi tal-viżjoni tagħhom għax-xogħol u r-residenza tagħhom Malta.

Fl-aħħar nett, il-Qorti kkonfermat id-deċiżjonijiet kollha tal-ewwel Qorti, inklużi l-ordnijiet ta’ trażżin, l-ispejjeż tal-esperti u l-perjodu ta’ sospensjoni tas-sentenzi, li issa jibda jgħodd mid-data tad-deċiżjoni tal-Appell, jiġifieri mill-Ħamis, 4 ta’ Diċembru 2025.