Lokali Qorti

Konfermati 32 xahar ħabs fuq serq ta’ ġiżirajjen minn fuq anzjani

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, immexxija mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, ikkonfermat sentenza ta’ 32 xahar ħabs mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati fil-każ ta’ Tony Zammit ta’ 33 sena, li kien akkuzat b’serq ta’ ġiżirajjen minn persuni anzjani f’Malta f’Ottubru fl-2018.

Huwa kien ġie mixli b’għaxar akkużi, inkluż serq ta’ ġiżirana minn fuq disa’ persuni anzjani, u r-rikors kien jgħid li l-identifikazzjoni tiegħu u l-provi ċirkostanzjali ma kinux affidabbli. Il-Qorti rrevediet kif l-identifikazzjoni ta’ Zammit saret fil-Għassa tal-Pulizija u sabet li ma ntużawx il-prekawzjonijiet rakkomandati.

Minkejja dan, id-dettalji tal-filmati u r-ritratti, flimkien mal-istqarrijiet tal-vittmi u l-ħwejjeġ elevati mill-appellant, ħolqu katina ta’ prova li tipponta b’mod ċar lejn il-ħtija tiegħu. Id-deskrizzjonijiet tal-vittmi, is-sitwazzjoni tal-filmati, u l-konnessjoni tal-karozza u l-ħwejjeġ magħrufa lil Zammit wasslu lill-Qorti biex tispiċċa konvinta moralment li kien hu l-awtur tas-serqiet, anki jekk xi dettalji minuri fid-deskrizzjonijiet kienu differenti.

Waħda mill-vittma rrapportat nhar l-14 ta’ Ottubru, 2028, u cioe’ meta ġie mressaq l-appellant quddiem l-ewwel qorti, illi l-aggressur nhar it-13 ta’ Ottubru, 2018, ġibdilha l-ġiżirana minn għonqha. Din il-persuna kien raġel ta’ madwar 40 sena, twil medju u rqiq.

Din qalet ukoll li taħseb li kien Malti għaliex kellimha bil-Malti. Wara li seraqha hu telaq jiġri u kien liebes hoody ta’ kulur skur. Ma nstabux cameras fejn il-post ta’ fejn seħħ l-inċident u lanqas lejn id-direzzjoni fejn ġera l-ħalliel.

Is-Surġent Kevin Curmi xehed dwar is-serqiet li bdew isiru u li kollha kienu ta’ natura simili. L-appellant ġie arrestat nhar it-13 ta’ Ottubru, 2018 miż-Żejtun fejn kienu anke ġew elevati diversi ħwejjeġ minn proprjetà’ fiż-Żejtun u anke mill-karozza li kienet tintuża minnu.

Anzjana oħra kienet ġiet misruqa minn ġewwa Misraħ Santa Venera. Persuna liebsa tracksuit u bil-‘hood’ imtella’ kienet serqitilha l-ġiżirana. Hija ppruvat tiribbatih bl-umbrella, iżda l-agressur kien veloċi. Kienet daħlet telefonata anonima fejn din il-persuna kienet qalet li rat il-każ iseħħ u rat lill-agressur jiġri lejn Triq l-4 ta’ Settembru u jagħmel sinjal lil persuna li kienet fil-karozza, li kienet registrata fuq l-appellant.

Il-pulizija elevat filmat bil-vettura tidher tieqaf fil-kantuniera. Persuna liebsa tracksuit u ‘hood’ tidher tirkeb il-karozza. Spjega li minn cameras li huma sitwati ħdejn id-detox, jidher l-appellant dieħel ġewwa d-detox liebes ‘tracksuit’ blu però mhux liebes hood. Il-‘hood’ tidher minn wara imma mhux milbusa. Din bejn wieħed u ieħor kienet l-istess data u fl-istess ħin.

Meta xehdet quddiem l-ewwel Qorti, l-anzjana stqarret li persuna kien serqilha l-ġiżirana. Din il-ġiżirana nqasmet fi tnejn meta ġibidha l-ħalliel. Hija tagħtu daqqa’ ta’ umbrella u hu reġa’ mar lura sabiex jieħu n-nofs tal-ġiżirana li kienet għadha fuq persuntha. Wiċċ minn serqilha l-ġiżirana ma ratux, iżda qalet li dan kien liebes ‘tracksuit’ griża bl-abjad u bil-‘hood’.

Anzjana oħra qalet li kif il-ħalliel qalilha bonġu, ħatfilha l-ġiżirana minn għonqa u kompla jiġri. Hija bdiet tiġri warajh imma kien kollu ta’ xejn. Tgħid li hija rat filmat mal-pulizija u l-istess ritratti u għarfet lill-aggressur fuq l-istess filmat. Tgħid li kienet ilha ma tara lill-istess aggressur erbat ijiem qabel attakkaha għax ġieli ratu qabel.

Anzjana oħra ta’ 82 sena irrapportat nhar il-11 ta’ Ottubru, 2018, ġewwa l-Għassa tal-Ħamrun, li dakinhar stess għall-ħabta ta’ 8.45am, waqt li kienet miexja fi Triq San Ġużepp, Tal-Pietà, persuna maskili serqilha l-ġiżirana li kienet liebsa. Dan l-individwu ta’ statura twila, kien liebes flokk oranġjo.

Bix-xokk wara marret għand oħtha fejn indunat illi kien ġie biss misruq is-salib u l-giżirana kienet waqgħet f’ħobbitha. Hija rrikorriet fuq il-post mal-pulizija u ndikat illi l-aggressur kien ġera lejn Triq Luqa, Pietà. Il-pulizija kienu nnutaw camera mal-ħanut bl-isem ‘Angler Center’ u staqsew lill-propjetarju’ ghall-filmat.

Fl-aħħar, il-Qorti tal-Appell qalet li d-dubbji dwar l-identifikazzjoni u l-provi ċirkostanzjali ma kenux b’saħħithom biex jilliberaw l-appellant u kkonfermat li l-imputazzjonijiet relatati ma’ erba’ mill-vittmi kienu ppruvati b’mod sod, u għalhekk iddeċidiet li tissostitwixxi parti mis-sentenza oriġinali b’sentenza konformi mal-provi u l-istqarrijiet ippreżentati.