Internazzjonali

L-Ewropa ssaħħaħ id-difiża quddiem it-theddida tar-Russja.. bit-taħditiet dwar l-Ukrajna jgħaddu għal fażi oħra

L-Unjoni Ewropea qed taħseb dwar it-tisħiħ tal-pakketti tad-difiża quddiem it-theddida konsistenti min-naħa tar-Russja. Dan meta l-Kremlin qed juri biċ-ċar li ma jridx jikkunsidra paċi mal-Ukrajna minkejja l-ħafna logħob bil-kliem u meta l-President Russu, Vladimir Putin, issa qed joħroġ ukoll bit-theddid ċar kontra l-Ewropa.

Intant, l-Unjoni qed taħseb biex l-Ewropa tkun fl-aħjar pożizzjoni biex, sal-2030, tiddefendi ruħha b’mod mill-aktar effettiv kontra kwalunkwe aggressjoni min-naħa tar-Russja.

Madankollu, stħarriġ ġdid fost iċ-ċittadini Ewropej  wera nuqqas ta’ fiduċja dwar kemm diversi Stati membri tal-UE għandhom il-kapaċità biex jiddefendu lilhom infushom kontra l-aggressjoni militari tal-Kremlin.

Aktar minn żewġ-terzi  fost l-Ewropej intervistati esprimew dan l-inkwiet waqt stħarriġ pubbliku mill-entità Cluster 17 li bbaża fuq disa’ pajjiżi tal-UE.

Intant, iċ-ċittadini fi Franza huma l-aktar fiduċjużi li pajjiżhom kapaċi jirreżisti lir-Russja minn aspett militari – biċ-ċittadini fil-Belġju, l-Italja u l-Portugall jesprimu nuqqas ta’ fiduċja dwar kemm pajjiżhom kapaċi jwieġeb għal attakk potenzjali mill-qawwiet Russi fuq l-Ewropa.

Dan in-nuqqas ta’ fiduċja kienet espressa fil-pajjiżi li huma ġeografikament l-aktar ‘il bogħod mir-Russja u li għandhom l-anqas probabbiltà ta’ konfront militari ma’ Moska.

L-istħarriġ sar fi Franza, il-Kroazja, il-Ġermanja, il-Polonja, l-Olanda, Spanja, il-Portugall, l-Italja u l-Belġju – u meta fl-Ewropa għaddejjin l-impenji kbar għal riarmament tal-Istati tal-UE li, min-naħa tagħhom, qed jinvestu l-mijiet tal-biljuni tal-ewro fid-difiża.

Sadanittant, ir-Rappreżentant Speċjali tal-Istati Uniti, Steve Witkoff qed iħejji biex jiltaqa’ ma’ Rustem Umerov, il-Kap tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ukrajna, fl-Istat Amerikan ta’ Miami.

Dan wara li Witkoff, nhar l-Erbgħa, dam ħames sigħat għaddej bin-negozjati f’Moska mal-President Putin u li – kif mistenni – ma pproduċew l-ebda kompromess li kapaċi jqarreb it-tmiem tal-konflitt fl-artijiet Ukreni li ilu għaddej minn Frar tal-2022.

U għalkemm il-President Amerikan Donald Trump qed jipprova jagħti bixra pożittiva lill-proċess għall-paċi, Vladimir Putin qed jinsisti li jridu jingħelbu ħafna diffikultajiet qabel jista’ jintlaħaq konsensus.

Dan meta Moska qed tinsisti biex it-truppi Ukreni jirtiraw kompletament mir-reġjun tad-Donbas lejn il-lvant tal-Ukrajna u li ħafna minnu hu diġà okkupat mill-militar tal-Kremlin.

Putin, għaldaqstant, qed isostni li ‘l-uniċi possibbiltajiet huma li l-armati tiegħu jaħtfu kompletament lid-Donbas permezz tal-kampanja militari inkella li l-militar Ukren jitlaq mill-aktar fis mit-territorji u ma jkomplix jirreżisti’.

Fi żviluppi oħra, Vladimir Putin beda żjara ta’ jumejn fl-Indja fost programm li jinkludi l-laqgħat mal-Prim Ministru Indjan Narendra Modi u summit annwali organizzat miż-żewġ pajjiżi. Mistenni li Delhi u Moska jiffirmaw numru ta’ ftehim waqt iż-żjara, bl-impenn konġunt qed isir xhur wara li l-Istati Uniti żiedet il-pressjoni fuq l-Indja bil-ħsieb li l-pajjiż Asjatiku ma jixtrix aktar żejt mingħand ir-Russja.