Graziella Attard Previ
Shadow Minister għall-Ugwaljanza,
il-Libertajet Ċivili,
u x-Xandir Pubbliku
Minkejja l-flus fil-but, ekonomija b’saħħitha u l-progress kollu li suppost għamlu n-nisa, sfortunatament ħafna drabi dan mhuwiex rifless fil-ħajja individwali tal-mara f’Malta.
Ma niċħadx li l-ekonomija ta’ pajjiżna marret ’il quddiem, iżda l-mentalità paternalista għadha persistenti. Huwa għalhekk li l-pjaga tal-vjolenza domestika għadha qawwija.
Dan fil-fatt għadu kif ġie kkonfermat jumejn ilu mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-istatistika, fejn żvela li matul l-2024 kien hemm 3,798 persuna li rrappurtaw vjolenza domestika jew għamlu użu mis-servizzi li hemm f’dan il-qasam, u li minnhom 76% kienu nisa!
Skont l-NSO, ftit aktar minn tliet kwarti tal-persuni li kienu qegħdin jagħmlu użu mis-servizzi ta’ għajnuna għall-vjolenza domestika kienu nisa filwaqt li kwart kienu irġiel, bil-biċċa l-kbira tagħhom jużaw xi servizz darba waħda biss.
Dan ikompli jikkonferma li l-mara Maltija, ħafna iktar mir-raġel, għadha ssofri wkoll mill-problema tal-vjolenza domestika. Din hija realtà kiefra li nsibuha l-aktar fil-konfront tan-nisa.
Ftit tal-ġranet ilu r-raġel ta’ Bernice Cassar ammetta l-ħtija u weħel sentenza ta’ ħabs. Iżda kif qalu sew il-qraba tagħha, lil Bernice mhux se nġibuha lura.
Il-ħajja ta’ Bernice ntilfet għal dejjem u wliedha se jitrabbew bla omm. Filwaqt li tidher li saret ġustizzja, nisħaq li dan mhux biżżejjed u hemm bżonn ta’ ħafna iżjed inizjattivi biex titnaqqas u idealment tinqered din il-pjaga soċjali.
In-nisa li qegħdin ibatu żgur li mhux se jimpressjonaw ruħhom mill-kliem sabiħ. Il-mara Maltija trid azzjoni konkreta llum qabel għada li tgħinha timxi ’l quddiem u li tiggarantilha ħajja mingħajr biża’ u b’sens ta’ sigurtà.
Impenn kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru
Għaldaqstant, matul dawn is-sittax-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, il-Partit Nazzjonalista se jkompli:
Jisma’ direttament lill-vittmi u lill-entitajiet involuti fil-qasam tal-appoġġ u l-protezzjoni.
Jiltaqa’ ma’ professjonisti u organizzazzjonijiet biex jidentifika l-isfidi reali u jsaħħaħ il-proposti tiegħu.
Jippromwovi politika bbażata fuq prevenzjoni, protezzjoni u riabilitazzjoni, sabiex il-vittmi jingħataw l-għodod u r-riżorsi meħtieġa biex joħorġu minn din is-sitwazzjoni inumana.
Soluzzjonijiet konkreti
Il-Partit Nazzjonalista huwa impenjat li joffri soluzzjonijiet konkreti, fosthom:
Prevenzjoni li għandha tibda mil-livell edukattiv permezz ta’ integrazzjoni sistematika fil-kurrikulum skolastiku tal-prinċipji ta’ tagħlim dwar relazzjonijiet b’saħħithom, rispett reċiproku, riżoluzzjoni ta’ kunflitti, ugwaljanza, ġestjoni tal-emozzjonijiet u t-tkissir ta’ stereotipi soċjali li ilhom għaddejjin u li minkejja kollox jibqgħu jippersistu.
Sistema ċentralizzata għall-monitoraġġ tal-ordnijiet ta’ protezzjoni, biex tiġi żgurata koordinazzjoni immedjata u sigurtà akbar għall-vittmi. Din għandha tinkludi wkoll mekkaniżmu biex ikun monitored l-infurzar ta’ Protection orders.
Żieda fil-kapaċità tal-Qrati u r-riżorsi umani biex jitnaqqas id-dewmien esaġerat fil-każijiet ta’ vjolenza domestika li qed jagħmel inġustizzja ohra mal-vittmi tal-vjolenza domestika. Il-Partit Nazzjonalista ilu jisħaq li għandhom jiżdiedu n-numru ta’ Magistrati li jisimgħu l-każijiet tal-vjolenza domestika kif ukoll ir-riżorsa umana biex jgħinu lill-Maġistrati fil-każijiet.
Introduzzjoni ta’ Emergency Barring Orders immedjati, li jagħtu l-poter lill-Pulizija biex jitlob lill-aggressur jitlaq mid-dar, u mhux lis-survivor. Din il-miżura tipprovdi protezzjoni immedjata lil vittmi tal-vjolenza domestika, skont il-Konvenzjoni ta’ Istanbul, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tistenna seduta tal-qorti.
Qegħdin nipproponu wkoll li l-vittmi tal-vjolenza domestika għandhom ikunu implikati mill-inqas fil-proċeduri tal-Qorti. Għaldaqstant, m’għandhomx jintalbu jekk iridux jaħfru lill-aggressur, iżda l-Prosekuzzjoni għandha titmexxa mill-Pulizija wara li din tiġbor l-evidenza neċessarja.
Dritt għall-ħajja
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li kull vittma tal-vjolenza domestika għandha d-dritt għal ħajja sigura u dinjituża, u li l-Istat għandu l-obbligu li jipproteġi u jappoġġja lil min jinsab f’riskju.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ kommess li jħares dan id-dritt u li jippromwovi politika li tneħħi kull forma ta’ vjolenza domestika minn pajjiżna.
Fl-aħħar mill-aħħar il-vjolenza domestika mhix biss kwistjoni familjari u personali, iżda hija pjaga li tolqot lis-soċjetà kollha.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 30 ta’ Novembru, 2025.
//= $special ?>

