Angelo Micallef
Nhar is-Sibt li għadda l-ġurnal The Malta Independent kellu editorjal mill-aktar interessanti bit-titlu Parliamentary Procedures, and proposed changes. Kien editorjal li jmur lil hinn mill-politika partiġjana tal-blu u l-aħmar għalkemm kien editorjal li jitkellem dwar il-Parlament Malti u l-ħidma tal-istess Parlament. Kien editorjal li għamel numru ta’ osservazzjonijiet u kummenti li jkolli ngħid laqtuni bħala relevanti ħafna.
L-editorjal tkellem dwar it-tul tad-diskorsi parlamentari. Għal min forsi jsegwi b’mod regolari l-Parlament Malti wieħed bla dubju ta’ xejn jinnota li s-sistema tal-Parlament Malti hi waħda li tippermetti b’faċilità kbira diskorsi li jkunu pjuttost twal. Ħa nkun ċar, m’iniex wieħed li naqbel mal-limitu strett adottat fil-Parlament Ewropew għaliex xi kultant ċerti dibattiti jkunu jirrikjedu diskors li jmur fil-profond u li allura jrid il-ħin tiegħu.
Però forsi fil-Parlament Malti għandna l-oppost; sistema li tippermetti diskorsi fejn nindirizzaw mhux biss id-dibattitu tal-ġurnata imma dak kollu taħt il-kappa tax-xemx li b’naqra kreattività nistgħu norbtu mas-suġġett ewlieni tal-ġurnata. Dan iwassal għal Parlament li hu pjuttost diffiċli biex issegwi fit-tul u għalhekk inaqqar mill-iskrutinju pubbliku. Iwassal ukoll biex il-ħin parlamentari jintilef b’diskorsi twal minflok jintuża bil-massimu effiċjenza possibbli.
Il-mistoqsijiet parlamentari
L-istess editorjal imbagħad jitkellem ukoll dwar il-mistoqsijiet parlamentari. Isemmi kif fil-Parlament Ingliż hemm il-Prime Minister’s Question time li hu appuntament ta’ kull ġimgħa. Nistqarr li nsegwi regolari dan l-appuntament u huwa tassew eżerċizzju ta’ demokrazija. Meta tara lill-Prim Ministru Ingliż jiffaċċja mistoqsijiet, xi kultant iebsa ħafna, anke mid-deputati tal-partit tiegħu stess u għalhekk dan, ġimgħa wara ġimgħa, huwa kostrett li jitkellem dwar dak li forsi hu aktar komdu jitfgħu taħt it-tapit, tinduna kemm tassew f’Malta dan huwa nuqqas kbir fis-sistema tagħna. Għalkemm is-sistema tagħna għandha sistema ta’ mistoqsijiet parlamentari m’għandniex ħin skedat għal mistoqsijiet lill-Prim Ministru. Anke l-mod kif isiru l-mistoqsijiet m’għandux l-istess natura politikament tassattiva bħalma naraw fil-House of Commons fir-Renju Unit.
Naturalment l-editorjal isemmi ideat oħra, uħud li qbilt magħhom u oħrajn li ma qbiltx b’mod assolut. Imma laqatni ħafna bħala editorjal imsejjes fuq ħsieb ġenwin u ċioè l-ħsieb li l-ogħla istituzzjoni demokratika ta’ pajjiżna għandha tassew tfittex li tabraċċa prattiċi li jkomplu jqarrbuha lejn il-poplu u jkomplu jsaħħu l-funzjoni ta’ skrutinju fuq il-Gvern tal-ġurnata. Tali skrutinju nemmen fih mhux għax bħalissa hemm Gvern Laburista imma għaliex nemmen li kull Gvern, Laburist jew Nazzjonalist, għandu bżonn skrutinju kontinwu u għandu bżonn jinżamm kontabbli lejn il-poplu.
Il-Kumitati Parlamentari
Hemm imbagħad il-kwistjoni tal-kumitati parlamentari, fosthom il-Kumitat dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Kumitat intiż biex isaħħaħ il-fiduċja tal-poplu fl-integrità tas-sistema demokratika. Kumitat li fih hemm żewġ membri tal-Gvern, żewġ membri tal-Oppożizzjoni u l-Ispeaker tal-Kamra li finalment hu appuntat mill-maġġoranza parlamentari, jiġifieri mill-Gvern tal-ġurnata.
Wasal iż-żmien li naraw li dan l-organu importanti jissaħħaħ f’termini ta’ indipendenza mill-Gvern tal-ġurnata biex ma jkun hemm ebda ombra ta’ dubju dwar x’jiġi deċiż? Wasal iż-żmien li jsir l-istess eżerċizzju anke fil-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi fejn għalkemm membru mill-Oppożizzjoni huwa ċ-Chairperson, ikun hemm tliet membri mill-oppożizzjoni u erba’ membri mill-Gvern?
Nerġa’ ntenni qiegħed ngħid hekk mhux b’referenza għal fatt li bħalissa hemm Gvern u maġġoranza parlamentari Laburista imma b’sens ta’ tisħiħ demokratiku lil hinn mill-maġġoranza blu jew ħamra.
Naturalment it-tisħiħ tad-demokrazija f’pajjiżna jmur lil hinn mill-Parlament biss. Hemm bosta punti li jeħtieġu jiġu indirizzati, fosthom ix-xandir nazzjonali li jeħtieġ jieqaf ikun każin politiku. Imma bla dubju ta’ xejn il-Parlament jifforma qafas mill-aktar kruċjali fil-pedament demokratiku ta’ pajjiżna u għalhekk hu kruċjali li naraw li jkollna sistema parlamentari li tassew isservi l-iskop tagħha.
Huwa fl-interess ta’ kull min iħobb id-demokrazija, libertà u ġustizzja li naraw li l-Parlament jiffunzjona fil-milja demokratika tiegħu.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 4 ta’ Diċembru, 2025.
//= $special ?>

