Lokali

OPINJONI: Il-popolazzjoni u r-rata tat-twelid

Ftit tal-jiem ilu, il-Qorti Suprema tal-Istat ta’ North Dakota tat l-approvazzjoni tagħha għal liġi li tagħmilha felony (tip ta’ reat skont il-liġi Amerikana) li jsir abort f’dak l-Istat

Mark A. Sammut Sassi

Bosta mill-qarrejja ta’ dil-gazzetta konxji mill-kampanja moħbija wara velu ta’ taparsi-imparzjalità f’xi gazzetti Maltin favur li jiddaħħal l-abort. Konferma ta’ dil-kampanja ġejja mill-fatt li aħbar importanti dwar l-abort fl-Istati Uniti jidher li ġiet injorata minn ċerti gazzetti Maltin. Tal-anqas jien ma sibthiex. Jekk xi ħadd jiġbidli l-attenzjoni li dehret, allura nikkoreġi ruħi.

Il-liġi tal-abort f’North Dakota
Fl-Istati Uniti tal-Amerka ma hemmx liġi waħda. Hemm 50 Stat u kull Stat għandu l-liġi tiegħu. Ftit tal-jiem ilu, fl-Istat Amerikan ta’ North Dakota, seħħ żvilupp importanti li ġie kompletament injorat minn dawk il-gazzetti Maltin li, moħbijin wara l-velu li semmejna, huma favur li jiddaħħal l-abort f’Malta.
Ftit tal-jiem ilu, il-Qorti Suprema tal-Istat ta’ North Dakota tat l-approvazzjoni tagħha għal liġi li tagħmilha felony (tip ta’ reat skont il-liġi Amerikana) li jsir abort f’dak l-Istat.
Id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema ta’ North Dakota qalbet deċiżjoni ta’ qorti inferjuri ta’ dak l-istat li kienet imblukkat temporanjament dik il-liġi ġdida ta’ dak l-Istat. Skont dil-liġi ġdida, abort fl-Istat ta’ North Dakota jġib miegħu piena massima ta’ ħames snin ħabs u multa ta’ $10,000 (€8,600).
L-istorja tal-abort fl-Istati Uniti hi waħda li bdiet b’mod uffiċjali fl-1973. Bdiet mhux b’liġi li għaddew is-Senat u l-Kamra tar-Rappreżentanti, imma meta l-Qorti Suprema Amerikana ddeċidiet li l-Kostituzzjoni Amerikana tipproteġi l-jedd għall-abort. Did-deċiżjoni – il-magħrufa Roe v Wade – inqalbet mill-istess Qorti Suprema fl-2022, meta ddeċidiet li kien f’idejn l-Istati individwali li jirregolaw l-abort. Dal-aħħar, North Dakota, flimkien ma’ 12-il Stat ieħor, għaddew liġijiet li jipprojbixxu b’mod totali l-abort.
Dil-liġi ta’ North Dakota ġiet attakkata minn klinika tal-abort li topera f’dak l-Istat. Il-Qrati ta’ North Dakota kienu ddeċidew li l-projbizzjoni ma setgħetx tidħol fis-seħħ waqt li għadha għaddejja l-kawża.
Biex inkunu ċari, il-liġi fiha l-eċċezzjonijiet. Jekk ħajjet l-omm tkun f’periklu, jista’ jsir l-abort. Mill-banda l-oħra, il-vittmi ta’ stupru u ta’ inċest jistgħu jabortixxu biss matul l-ewwel sitt ġimgħat tat-tqala. (Dawk ta’ favur l-abort jargumentaw li sal-ewwel sitt ġimgħat tat-tqala, ftit nisa jkunu jafu li ħarġu tqal.)
Fid-deċiżjoni tagħhom, l-imħallfin tal-Qorti Suprema ta’ North Dakota sabu li l-kostituzzjoni tal-istat ta’ North Dakota ma tagħtix jedd għall-abort u li l-liġi ġdida tagħti “twissija xierqa lil dawk li jippruvaw jimxu mal-kostituzzjoni”.
L-Avukat-Ġenerali Repubblikan ta’ North Dakota, Drew Wrigley, faħħar id-deċiżjoni tal-Qorti u qal li l-Qorti “seddqet din il-leġiżlazzjoni importanti li tħares il-ħajja u li għaddiet mil-Leġiżlatura tal-poplu”.

Fl-Ewropa
Sadanittant, fl-Ewropa, Franza daħħlet l-abort bħala jedd fil-Kostituzzjoni tal-pajjiż, u hemm pajjiżi oħrajn Ewropej li qed itellgħu u jniżżlu jimxux mal-eżempju ta’ Franza. Dan waqt li l-Unjoni Ewropea qed tara tnaqqis enormi fil-għadd ta’ twelidiet. Ngħidu aħna, fl-2023, fl-UE twieldu 5.4% anqas trabi milli kienu twieldu fl-2022. Dan, skont l-istatistika tal-Eurostat (l-organu tal-istatistika tal-UE nnifisha), kien l-akbar tnaqqis reġistrat mill-1961.
Inkwetanti hu l-fatt li t-tnaqqis fir-rata ta’ twelid qed iseħħ ukoll jekk jimmigraw numri kbar lejn l-Ewropa, u ħafna mill-immigranti jkollhom l-ulied. Is-sitwazzjoni hi waħda verament traġika.

Malta
Fl-2023, it-tliet pajjiżi fl-UE li kellhom l-iżgħar rati ta’ fertilità kienu l-Litwanja (1.18 twelidiet għal kull mara), Spanja (1.12), u Malta (1.06). Iva, Malta hi fl-agħar post.
Mingħajr l-abort għandna dis-sitwazzjoni traġika. Bilfors ikolli nistaqsi kif tkun is-sitwazzjoni likieku Malta kellha – allaħares qatt! – iddaħħal l-abort.

L-individwalità u n-narċisiżmu
Dil-mewt bil-qajl il-qajl tal-Ewropa għaddejja waqt li qed ngħixu f’ambjent ta’ propaganda ma tehda b’xejn favur l-ugwaljanza, il-jeddijiet tal-individwu, u l-bqija.
Li donnu ħadd ma qiegħed japprezza biżżejjed hu li dak li l-aktar juri l-individwalità ta’ kull wieħed u waħda minna – wiċċna – hu dak li jara ħaddieħor mhux dak li naraw aħna stess.
Fi kliem ieħor, l-individwalità tagħna hi dak li kull wieħed u waħda minna – bil-ħiliet u t-talenti tagħna – nistgħu noffru lil ħaddieħor. L-individwalità tagħna mhix għalina nfusna bħala individwi imma għall-kotra, għax l-individwalità hi x’għandna x’noffru għall-ġid komuni.
Jekk naċċettaw li l-individwalità hi għall-individwu nnifsu naqgħu fin-nasba tan-narċisiżmu. Fil-mitoloġija pagana, Narċisju kien ġuvni sabiħ ħafna li bosta rieduh imma hu ma ried lil ħadd. Imbagħad meta ra wiċċu rifless fl-ilma f’għadira kbira nnamra minnu nnifsu u mar jgħannaq lilu nnifsu – u għereq. U fejn miet, kibret fjura, in-narċisa, jew tissejjaħ ukoll f’ċerti nħawi ta’ Malta, ir-“ranċisa”.
L-Ewropa jaf qed jiġrilha bħal Narċisju. Tant moħħha mimli li hi sabiħa, li nnamrat minnha nnifisha. U bħal Narċisju, taf tispiċċa tegħreq hi u tgħannaq u tbus lilha nnifisha.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 4 ta’ Diċembru, 2025.