Lokali

Opinjoni: Imbarrat l-aċċess għall-parkeġġ

Fil-jiem li għaddew il-poplu tal-Isla sab li l-parkeġġ li s-soltu kien jipparkja fih – dak biswit l-iskola ta’ Sadeen –ingħalaq

Malcolm Gatt
Kunsillier PN
Kunsill Lokali Isla

Deċiżjoni oħra stramba tal-Gvern hekk kif fil-jiem li għaddew – preċiżament wara li ntemmet l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Boat Show – il-faċilitajiet tal-parkeġġ ma’ ġenb l-Iskola ta’ Sadeen fl-Isla, ingħalaq bil-barrikati.
Qomna filgħodu u sibna li l-aċċess għalih ingħalaq b’fence li jagħmilha impossibbli li wieħed jaċċessa għalih kif kien isir qabel il-Boat Show. Naturalment dan ġab ħafna tgergir minna r-residenti, iżda min imexxi l-Kunsill Lokali tal-Isla baqa’ indifferenti u ma kellu l-ebda tweġiba għall-karba ġusta tan-nies.
Tajjeb li nispjega li oriġinarjament aħna r-residenti tal-Isla, flimkien ma’ oħrajn li jżuruna anki għax riedu jagħmlu użu mill-faċilitajiet tat-trasport bil-baħar bejn ix-Xatt tal-Isla u l-Belt Vallett, konna nipparkjaw f’dan il-parkeġġ partikulari li jinsab qrib l-Iskola Sadeen.
Ġara iżda li darba għaddiet il-Boat Show ta’ ftit tal-jiem ilu – fejn din saret proprju f’dan il-parkeġġ – din iz-zona ngħalqet kompletament b’fence. Sadattant in-nies ingħataw il-faċilità li jipparkjaw f’parkeġġ ieħor – f’Boiler Wharf – iżda bejn is-6pm u s-6am biss! Kemm-il darba wara dawn il-ħinijiet ta’ filgħaxija u sbieħ il-jum tal-għada vettura titħalla pparkjata f’dan il-parkeġġ faċilment tispiċċa kklampjata zzzzminn Transport Malta.

Ħsara lin-negozji
Umilment nifhem li din hi deċiżjoni xejn għaqlija, u fl-istess waqt il-Gvern qiegħed jagħmel ħsara kbira lin-negozji fix-Xatt tal-Isla u fl-istess waqt se jkompli jżid il-problema tat-traffiku fl-Isla għaliex in-nies minn barra se jkollhom jidħlu bil-karozza tagħhom fl-Isla biex ikunu jistgħu jsibu parkeġġ.
Din hi sitwazzjoni li ħoloq il-Gvern għaliex ma ddiskuta ma’ ħadd, u fl-istess waqt il-Kunsill Lokali tal-Isla sa issa żamm skiet perfett anki jekk qed issirlu pressjoni mill-komunità kummerċjali li qed tara l-andament tan-negozju tagħha fix-Xatt jiġi mhedded.
L-awtoritajiet konċernati suppost li jafu li dan il-parkeġġ partikulari llum il-ġurnata hu proprjetà ta’ Sadeen. Madankollu qabel mal-parkeġġ ingħata biex jintuża għall-Boat Show ta’ din is-sena, din iz-zona kienet tintuża bla xkiel għal skop ta’ parkeġġ kemm għar-residenti tal-lokal kif ukoll għal dawk kollha li riedu jmorru l-Isla bil-karozza… fosthom għal skop ta’ pranzu jew ċena.
Inħeġġeġ lill-awtoritajiet konċernati minn din id-deċiżjoni li ma tagħmel sens assolutament xejn biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni għax din id-deċiżjoni la tagħmel sens magħna r-residenti tal-Isla u anqas mal-komunità kummerċjali.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 30 ta’ Novembru, 2025.