Il-Ministri kollegi ta’ Roderick Galdes qed ikomplu jaħarbu milli jwieġbu dwar l-għoqda li sab ruħu fiha f’dawn l-aħħar jiem, meta l-eks MEP Laburista Marlene Mizzi akkużatu li qed jitħabbeb mal-kuntratturi u li għandu kunflitt ta’ interess.
Ne tNews kompla jistaqsi lill-Ministri u s-Segretarji Parlamentari dwar din is-sitwazzjoni skomda li jinsabu fiha, b’Michael Falzon jinħeba wara r-risposti vagi li offra Roderick Galdes lill-midja. U ħarab milli jwieġeb b’mod dirett dwar jekk għandux joffri r-reżenja tiegħu jew le.
Dan filwaqt li s-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg mhux talli ma qabżitx għall-kollega tagħha, talli ħarbet milli twieġeb.
L-allegazzjonijiet li Galdes qed jitħabbeb mal-kuntratturi ġiet mill-qalba tal-Labour, propju mill-eks MEP Laburista Marlene Mizzi. Illi permezz ta’ post fuq il-Facebook tagħha ddeskriviet l-azzjonijiet ta’ Galdes bħala “hobnogging” – cioè li jitħabbeb mal-kuntratturi.
U meta pressati dwar dan, il-Ministru u s-Segretarju Parlamentari ħarbu wkoll milli jwieġbu d-domandi tal-ġurnalisti.
L-esponenti Laburisti baqgħu jinsistu li huma wieġbu b’dak li kellhom xi jgħidu – fejn huwa evidenti li dan l-iskandlu poġġa pressjoni fuq il-Kabinett kollu.
Fl-aħħar jiem kien żvelat kif il-Ministru Roderick Galdes akkwista duplex penthouse bl-arja, u anke garaxx għal 140,000 ewro. Dan filwaqt li l-Housing – li taqa’ taħt ir-responsabbiltà Ministerjali tiegħu, tat kuntratti lill-istess żviluppaturi li biegħu l-penthouse lil Galdes.
Dan apparti l-allegazzjonijiet serji li qed jiċċirkolaw online li l-Ministru għandu biżibilju propjetajiet, li għadhom mhux iddikjarati. B’Galdes jgħid li hu – quddiem dan kollu – jinsab seren.


