Ma taqta’ xejn il-ħidma tal-PN biex jimmarka s-16-il Jum ta’ Attivizmu kontra l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru, bl-iskop li l-PN ikompli jisma’ direttament mingħand dawk li jaħdmu fil-qasam tal-vjolenza domestika u dawk li jgħixu l-konsegwenzi tagħha – inkluż persuni li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.
Il-Ħamis filgħodu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, flimkien max-Shadow Minister Graziella Attard Previ u membri mill-MNPN, żaru Dar Emmaus f’Għawdex – post immexxi mill-Fondazzjoni Kenn u Tama, illi hija l-ewwel dar f’Għawdex li toffri kenn ta’ emerġenza u servizzi speċjalizzati għal nisa u tfal li jkunu qed jaħarbu minn sitwazzjonijiet ta’ vjolenza domestika u abbuż.
Il-Kap tal-PN ltaqa’ mad-Direttur il-Kanonku Michael Xuereb u mal-Head of House Vincienne Galea, li spjegaw is-servizzi essenzjali li toffri din id-dar, fosthom kenn immedjat, programmi ta’ riabilitazzjoni u appoġġ psikoloġiku, soċjali u legali għall-vittmi u għat-tfal tagħhom.

Fost l-isfidi ta’ kuljum li jiffaċċjaw hemm in-nuqqas ta’ riżorsi u l-ħtieġa għal aktar appoġġ sabiex din il-faċilità tkun tista’ tkompli tissaħħaħ u tipprovdi għajnuna aktar effettiva.
Alex Borg qal li l-PN se jkun ta’ sostenn għal dawn il-vittmi. U l-għan ewlieni tiegħu hu li tkun imfassla politika u soluzzjonijiet konkreti fil-ġlieda kontinwa kontra din il-pjaga soċjali fil-pajjiż – il-vjolenza domestika.



