Lokali

Uffiċjal tas-sigurtà mhux ħati ta’ pusses ta’ kokaina fuq evidenza mhux ċara u inkonsistenti

Raġel ta’ 54 sena nħeles mill-akkużi ta’ pussess ta’ kokaina wara li l-Qorti kkonkludiet li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova lil hinn minn kull dubju raġonevoli li d-droga misjuba fil-karozza tiegħu kienet fil-verità tiegħu. Il-Qorti rrimarkat li l-mod kif il-provi nġabru u ġew ippreżentati kien mimli inkonsistenzi serji li qajmu dubji fundamentali dwar l-affidabilità tagħhom.

Il-każ imur lura għat-3 ta’ Diċembru 2016 meta James Farrugia, minn San Pawl il-Baħar u li jaħdem bħala uffiċjal tas-sigurtà f’Paceville, twaqqaf f’kontroll tal-pulizija fil-parkeġġ ta’ Baystreet. Skont ix-xhieda tal-pulizija, dawn allegatament sabu pakkett ta’ sigaretti Dunhill fuq is-seat tal-passiġġier b’ħames boroż żgħar bi trab abjad li aktar ’il quddiem ġew ikkonfermati bħala kokaina.

Iżda l-Qorti osservat li anke l-istess uffiċjali tal-pulizija taw verżjonijiet kontradittorji dwar kif is-sustanza kienet ippakkjata. Xi wħud qalu li s-sekwestru kien pakkett Dunhill, filwaqt li l-espert forensiku ngħata pakkett Vogue li kien imdaħħal ġewwa pakkett Dunhill. L-ebda uffiċjal ma semma jew ftakar li sab pakkett Vogue fuq il-post, u din iċ-ċirkustanza qajmet dubji serji dwar jekk it-test analizzat fil-laboratorju kienx tassew dak misjub fil-karozza.

Farrugia dejjem ċaħad li d-droga kienet tiegħu u sostna li xi ħadd li ried jagħmel vendetta fuqu seta’ poġġa l-pakkett fil-karozza. Biex jissostanzja dan, id-difiża talbet espert maħtur mill-Qorti. Dan ix-xhud spjega li l-karozza antika ta’ Farrugia, mudell Datsun ta’ 40 sena, kellha serratura li setgħet tinfetaħ b’tornavit bla ħafna sforz, filwaqt li l-bieba tal-passiġġier kellu serratura oriġinali imma mill-qodma.

Hu kkonferma li l-ebda serratura ma nbidlet wara l-2016, u għalhekk il-karozza setgħet faċilment tiġi aċċessata minn terzi. Il-Qorti rat ukoll diversi rapporti tal-pulizija li jiddokumentaw tilwim u theddid li Farrugia kien irċieva fil-passat, kif ukoll problemi ma’ ġirien, u dan kompla jsostni l-possibbiltà ta’ motivazzjoni ostili minn terzi persuni.

Barra minn hekk, tfittxija fid-dar tiegħu ma sabet l-ebda indikazzjoni ta’ traffikar jew użu ta’ droga, bħalma huma flus kontanti, mgħaref jew apparat ieħor relatat mad-droga.

Ex-surġenti tal-pulizija minn San Ġiljan xehed ukoll li Farrugia kien spiss jagħti informazzjoni lill-pulizija waqt rondi bil-lejl, fatt li d-difiża rrimarkat li seta’ jżid il-lista ta’ nies li ma jogħġbux lil Farrugia u għalhekk potenzjalment jkunu ta’ għedewwa għalih.

Il-Qorti nnutat li Farrugia saq minn San Pawl il-Baħar sa Baystreet mingħajr ma nnota l-pakkett fuq is-sedil, iżda aċċettat l-ispjegazzjoni tiegħu li l-pakkett Dunhill kien bħall-pakketti li kien ipejjep u għalhekk ma qiegħdux suspett.

Fl-aħħar nett, il-Qorti kkonkludiet li l-prosekuzzjoni naqset milli teskludi r-raġonevoli possibilità li xi ħadd ieħor daħal fil-karozza u poġġa l-pakkett hemm. Fid-dawl tal-inkonsistenzi serji u l-piż baxx tal-prova meħtieġ għad-difiża – probabbiltà aktar milli ċertezza – il-Qorti ddeċidiet li ma kienx hemm prova biżżejjed lil hinn minn kull dubju raġonevoli.

Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo għalhekk sabet lil James Farrugia mhux ħati u lliberatu minn kull akkuża. L-avukati Joe Giglio u Michaela Giglio dehru għalih.