Lokali Qorti

Editur ta’ MaltaToday meħlus mill-akkużi dwar recordings ta’ Yorgen Fenech

Il-Maġistrat Marsanne Farrugia ħelset lill-online editor tal-MaltaToday, Karl Azzopardi, mill-akkużi li kiser ordni tal-Qorti meta allegatament ippubblika recordings tal-interrogazzjoni ta’ Yorgen Fenech. Il-proċeduri nbdiet wara li l-Qorti kienet ordnat li l-materjal tal-interrogazzjonijiet ma jistax jixxandar, iżda recordings kienu ixterdu fuq reddit.com u portali lokali fl-2020.

Id-direttur tal-Qrati talab passi kontra Azzopardi għal pubblikazzjoni fuq MaltaToday, iżda d-difiża argumentat li r-recording kien diġà online u li Azzopardi qatt ma kien marbut legalment mal-projbizzjoni għax ma kienx parti fil-kumpilazzjoni.

F’Jannar 2020, il-Maġistrat kienet ordnat li d-difiża tirċievi kopji tad-dokumenti, inklużi recordings u traskrizzjonijiet tal-interrogazzjonijiet, iżda b’ordni stretta li dawn ma kellhomx jiġu ppubblikati jew mgħoddija lil terzi. F’Febbraj 2020, l-istess ordni ġiet irreiterata u ġie spjegat espressament li ksur tagħha jammonta għal oltragg lill-Qorti.

Minkejja dawn l-ordnijiet, f’Awwissu 2020 l-Qorti nnutat li kienu dehru pubblikazzjonijiet fuq reddit.com, kif ukoll fuq portali tal-aħbarijiet Maltin u fuq il-midja soċjali, li kienu jinkludu partijiet minn recordings oriġinati mill-proċeduri. Il-Qorti ddeskriviet dan bħala “ksur manifest u ċar tal-ordni tal-Qorti” u ordnat passi kontra dawk responsabbli.

Ftit wara, il-Qorti talbet li jittieħdu passi speċifiċi dwar recordings ippubblikati fuq maltatoday.com fl-aħħar ta’ Awwissu 2020, u hekk il-direttur talab lill-Qorti biex tibda proċeduri ta’ disprezz kontra Azzopardi. Hu kien qed jiffaċċja multa ta’ bejn €232.94 u €2,329.37 jew priġunerija.

Il-Qorti sabet li l-ordnijiet tal-projbizzjoni ma kinux imħabbra bil-formalitajiet meħtieġa taħt il-liġi u li ma kienx hemm prova ta’ intenzjoni li jikser ordni vinkolanti. Għaldaqstant, Azzopardi ġie meħlus mill-akkużi ta’ disprezz lejn il-Qorti.