Kummerċ Lokali

Il-BOV jitfa’ dawl fuq l-iskart elettroniku waqt il-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart

Bħala parti mill-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart (EWWR) ta’ din is-sena, Bank of Valletta nieda inizjattiva innovattiva: robot magħmul kompletament minn skart elettroniku. “Roborg”, laqa’ lill-viżitaturi u lill-impjegati kollha fid-daħla tal-BOV Centre f’Santa Venera.

Ir-robot huwa apparat interattiv li jaqsam fatti sempliċi iżda qawwija dwar l-iskart elettroniku. Roborg ifakkarna li l-iskart elettroniku huwa l-aktar tip ta’ skart li qed jikber fid-dinja, iżda 20% biss minnu jiġi riċiklat b’mod korrett. Jispjega wkoll li materjali ta’ valur, bħad-deheb, il-fidda, ir-ram u l-litju jinsabu moħbija f’apparat elettroniku qadim, u dan iżid mal-livell ta’ skart iġġenerat. Roborg huwa jfakkar b’mod konkret li dak li jintrema jista’ jkollu valur, u li għażliet aktar intelliġenti jibdew mill-għarfien.

Roborg huwa biss wieħed minn bosta inizjattivi li qed jimplimenta l-BOV biex jagħti kontribut pożittiv lill-ambjent. Fl-2025 biss, aktar minn 6,800kg ta’ skart elettroniku ġew immaniġġjati b’mod responsabbli permezz tar-riċiklaġġ tal-Waste Electric and Electronic Equipment, f’konformità mal-obbligi tal-ESG tal-Bank, kemm internament mal-impjegati kif ukoll esternament mal-klijenti.

Bħala parti mill-programm ta’ Diġitalizzazzjoni, bil-għan li jitnaqqas l-użu tal-karta, il-magni EPOS tal-Bank fil-ħwienet m’għadhomx joħorġu riċevuti b’mod awtomatiku meta wieħed iħallas bil-kard. Barra minn hekk, il-BOV issa qed jitlob invoices diġitali mingħand il-fornituri tiegħu, filwaqt li l-kuntratti ma’ partijiet terzi jiġu ffirmati b’mod diġitali permezz ta’ DocuSign. Inizjattiva oħra hija implimentata mal-impjegati, li jirċievu payslips u FS3s b’mod diġitali. Dawn l-inizjattivi diġà wasslu għal tnaqqis stmat ta’ 120,000 folja karta fis-sena.

Ta’ min isemmi wkoll l-inizjattiva “Bring your own Container” fil-canteen tal-Bank, li tinkoraġġixxi lill-impjegati jużaw kontenituri riutilizzabbli meta jixtru ikel u xorb. Ġew introdotti wkoll kontenituri apposta biex jinġabru l-fliexken għall-magni tal-BCRS, bil-flus li jinġabru mill-vouchers imorru b’donazzjoni għal għaqdiet li jaħdmu b’risq l-annimali. Din is-sena biss, huwa stmat li aktar minn 62.3kg ta’ skart ġew salvati milli jispiċċaw fil-miżbla.

Il-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart issir kull sena fl-aħħar ta’ Novembru madwar l-Ewropa, bl-għan li tippromwovi s-sostenibbiltà tar-riżorsi u l-iskart, filwaqt li tqajjem kuxjenza u tinkoraġġixxi azzjonijiet prattiċi biex jitnaqqas, jerġa’ jintuża u jiġi riċiklat l-iskart. L-inizjattivi tal-Bank huma xhieda li, lil hinn mill-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart, it-tnaqqis tal-carbon footprint u l-ħarsien tal-pjaneta huma parti integrali mill-operat ta’ kuljum tal-Bank.