Il-fjamma Olimpika għall-Olimpijadi tax-Xitwa ta’ Milano Cortina waslet Ruma mill-Greċja u immedjatament saret ċerimonja simbolika fil-Palazz presidenzjali tal-Quirinale. Il-fjamma, bil-wasla fl-Ajruport ta’ Fiumicino minn Ateni, irritornat l-Italja 20 sena wara l-Olimpijadi ta’ Turin tal-2006.
Il-fjamma minn Ateni twasslet mit-tennista Jasmine Paolini u l-President tal-Fondazzjoni ta’ Milan Cortina, Giovanni Malagò flimkien ma’ Luciano Buonfiglio, President tal-CONI, u Carlo Mornati, segretarju ġenerali tal-CONI, kif ukoll is-sindki ta’ Milan u Cortina u l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni tal-Logħob, Andrea Varnier.
It-torċa fil-Palazz tal-Quirinale, intlaqgħet mill-President tar-Repubblika, Sergio Mattarella u minn hemm tibda r-rotta madwar il-bliet ewlenin fl-Italja. L-istilla tal-għawm fuq distanzi twal, Gregorio Paltrinieri, se jkun l-ewwel wieħed li se jkun ġarr it-torċa fl-Italja. Paltrinieri rebbieħ tal-midalja tad-deheb Olimpika tal-1,500m freestyle tal-2016 se jiftaħ il-vjaġġ tat-torċa ta’ Milan-Cortina f’Ruma għada.
Fost dawk li se jġorru t-torċa hemm il-plejer tal-basketball Achille Polonara, li qed jiġġieled il-lewkimja, il-fencer Elisa Di Francisca, u l-eks champion Olimpiku tal-high jump Gianmarco Tamberi.
Fir-rotta mill-kapitali se jieħdu sehem l-eks finalist ta’ Wimbledon Matteo Berrettini, l-eks plejers tal-basketball Gigi Datome u Andrea Bargnani, l-eks stilla tal-Moto GP Max Biaggi , id-direttur tal-films Giuseppe Tornatore, il-kantanti Achille Lauro u Noemi, l-attriċi Claudia Gerini, u d-disinjatriċi tal-moda Lavinia Biagiotti.
//= $special ?>

