Lokali

Il-Gvern għandu jirtira l-Avviż Legali li bih daħħal tariffi ġodda fuq il-mediċini – PN

Il-pazjenti, l-anzjani u l-familji tagħna m’għandhomx iġorru l-piż taż-żidiet fil-prezz tal-mediċini li impona l-Gvern

Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Gvern jirtira immedjatament l-Avviż Legali li daħħal baxx baxx, mingħajr ebda konsultazzjoni mal-istakeholders, u li permezz tiegħu għolla b’mod esaġerat it-tariffi fuq ir-reġistrazzjoni tal-mediċini.

F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Minister għas-Saħħa Stephen Spiteri, ix-Shadow Minister għall-Kura Preventiva u Primarja Ian Vassallo, ix-Shadow Minister għall-Anzjanità Attiva Paula Mifsud Bonnici, u x-Shadow Minister għall-Inklużjoni u d-Drittijiet tal-Konsumatur Graziella Galea, il-Partit Nazzjonalista qal li dawn iż-żidiet – li f’ħafna każi huma aktar mid-doppju u f’ċerti każi jaqbżu l-elf ewro – huma piżijiet li se jiġu riflessi direttament fil-prezz li jħallas il-pazjent għall-mediċini li jkollu bżonn.

Żidiet mingħajr konsultazzjoni u b’konsegwenzi diretti fuq il-pazjenti
Il-PN spjega kif dawn iż-żidiet fit-tariffi ġew imposti mingħajr ma saret assolutament l-ebda konsultazzjoni mal-importaturi, mas-settur farmaċewtiku, jew ma’ dawk li jirrappreżentaw lill-aġenti. Dan hu att ieħor ta’ arroganza u nuqqas ta’ trasparenza minn Gvern li jrid jaħbi u jagħmel kollox minn wara dahar il-poplu.

Dawn it-tariffi, li ma ssemmew imkien lanqas fil-budget, se jżidu l-prezzijiet tal-mediċini. Il-konsumaturi li se jintlaqtu f’dan il-każ huma l-pazjenti, l-anzjani, il-persuni vulnerabbli, il-ħaddiema bi dħul limitat, u kull min jiddependi fuq il-mediċina biex jgħix b’dinjità. Il-Gvern, dan kollu kien jafu, imma xorta waħda daħħal din it-taxxa ġdida bil-moħbi.

Żidiet esaġerati li jistgħu jwasslu anke għal tneħħija ta’ mediċini mis-suq
Stephen Spiteri wissa li ż-żidiet esaġerati se jaffettwaw kemm mediċini li ilhom jintużaw kif ukoll mediċini ġodda u innovattivi. Fil-fatt, mediċini li ma jiġux impurtati fi kwantità kbira minħabba li s-suq huwa limitat għal ftit pazjenti se jintlaqtu l-aktar bil-konsegwenza tista’ tkun li saħanistra l-importatur jikkunsidra li kaġun taż-żieda sostanzjali fil-prezzijiet iwaqqaf l-importazzjoni, b’effett negattiv għal min għandu bżonn dawn il-mediċini.

Huwa qal li pajjiżna diġà jinsab fl-aħħar post fl-Ewropa fl-użu ta’ mediċini innovattivi, u dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jkomplu jtellfu lill-pazjenti tagħna minn kura moderna li għandhom dritt għaliha.

Piż ġdid fuq il-familji u fuq min ma jistax jgħix mingħajr mediċina
Ian Vassallo spjega kif dawn iż-żidiet fit-tariffi se jolqtu mhux biss lil min jixtri mediċini tal-POYC, iżda wkoll lil min għandu bżonn mediċini ta’ kuljum li mhumiex koperti u li jridu jinxtraw minn buthom. Dan hu piż dirett fuq il-poplu, fuq il-familji, fuq dawk b’mard kroniku, fuq l-anzjani, u fuq dawk li ma jistgħux jgħaddu mingħajr kura. Żieda fil-mizati għall-importaturi tfisser żieda fil-prezz għall-konsumatur. Hu elenka żidiet li diġà kien hemm fil-prezzijiet ta’ mediċini anke jekk iż-żieda fit-tariffi għadha ma ġietx riflessa fil-prezzijiet, u wissa li dawn se jkomplu jogħlew issa li żdiedu t-tariffi għar-reġistrazzjoni tal-mediċini.

L-aktar milquta minn din it-taxxa ġdida huma l-anzjani
Paula Mifsud Bonnici qalet li ħafna anzjani diġà jinsabu f’riskju ta’ faqar minħabba l-prezzijiet għoljin tal-mediċini, u li ż-żieda ta’ €10 li ħadu fil-budget – li tinkludiha fiha ż-żieda tal-għoli tal-ħajja – żgur li mhix biżżejjed biex tlaħħaq ma’ dawn il-piżijiet ġodda li poġġa fuqhom il-Gvern. Hija qalet li dan l-Avviż Legali jikxef l-ipokrezija tal-Gvern li minn naħa jiftaħar b’budget bla taxxi, u min-naħa l-oħra ddaħħal taxxi ġodda moħbija fuq il-mediċini li se jeffettwaw lill-anzjani tagħna. Għall-kuntrarju l-Partit Nazzjonalista fil-gvern se jkun qed jpprovdi servizz ta’ tabib bla ħlas għall-anzjani u se jkun qed joħloq ukoll bord mediku u soċjali li jħares lejn l-impatt tal-bżonnijiet mediċi fuq il-kwalità tal-ħajja, b’mod speċjali fejn hemm bżonn ta’ kirurġija ortopedika fuq l-anzjani.

Deċiżjoni irresponsabbli li tolqot direttament lill-konsumaturi
Graziella Galea qalet li l-mediċini mhumiex prodott kummerċjali bħall-oħrajn, iżda bżonn essenzjali li wieħed ma jistax jgħaddi mingħajru.Hi saħqet li deċiżjonijiet bħal dawn, li jittieħdu mingħajr studju soċjali u mingħajr konsultazzjoni, huma irresponsabbli u perikolużi u l-Oppożizzjoni se tkompli tiddefendi lill-konsumaturi u ma tippermettix li l-mediċini isiru aktar piż milli serħan.

Il-PN jappella għal rtirar immedjat tal-Avviż Legali
Wara li l-Partit Nazzjonalista kixef kif il-Gvern daħħal din it-taxxa ġdida bil-moħbi, il-Ministru Jo Etienne Abela għamel messaġġ sfurzat fuq il-media soċjali li fih ammetta dak li qal il-PN, jiġifieri li dawn it-tariffi vera ddaħħlu, imma baqa’ ma solva xejn.

Il-Partit Nazzjonalista qed jappella biex il-Gvern jiritra b’mod immedjat l-Avviż Legali dwar dawn it-tariffi ġodda tal-Awtorità tal-Mediċini li ddaħħlu mingħajr konsultazzjoni mal-istakeholders.

Gvern Nazzjonalista, bħalma dejjem għamel, ipoġġi l-pazjent u l-konsumatur fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni, u jara li l-politika fis-saħħa tkun waħda bbażata fuq is-serjetà, it-trasparenza u l-ġustizzja soċjali.