Lokali

Il-ħaxix fil-picnic area ta’ Ta’ Qali baqa’ ma spuntax

Dħalna f’Diċembru. U wara jiem sħaħ ta’ xita. Wara li tajjarna 300, 000 ewro. Ta’ Qali baqa’ bla ħaxix. Miksi bir-ramel.

Filmati li jitkellmu weħidhom – dan huwa l-istat li tħalla fih Ta’ Qali wara proġett li sar bla permess u li għalih ma nħareġ l-ebda tender.

Kollox beda f’nofs is-sajf meta l-Gvern ta’ Robert Abela ddeċieda li jiksi din iz-zona mill-isbaħ f’Ta’ Qali b’tunnellati ta’ ramel. Bir-riżultat li wieħed l-akbar spazji miftuħa f’pajjiżna tħalla fl-istat li jinsab fih bħalissa.

Crew ta’ Net News żar iż-żona tal-picnics f’Ta Qali fejn seta’ jara b’għajnejh li din iż-zona għadha kif kienet. U l-uniku ħaxix aħdar li tela’ kien biss taħt is-siġar u fil-passaġġi fejn ma ntefax iż-żrar

Tul l-aħħar xhur u ġimgħat, din l-azzjoni min-naħa tal-Gvern Laburista, rċeviet baraxx ta’ kritika minn numru ta’ familji u persuni li jħobbu jiffrekwentaw din il-picnic area – u kien hemm saħansitra ġenituri li tefgħu ritratti ta’ wliedhom isofru ġrieħi, kawża tar-ramel li nxtered.

L-uffiċjal Laburista Jason Micallef li huwa nkarigat sabiex jieħu ħsieb l-implimentazzjoni tal-manifest elettorali tal-Partit Laburista – qed jibqa’ jwebbes rasu u jsostni li l-materjal li ntuża kien ramel apposta – bħal dak li jintuża f’parks barra minn Malta.

Min-naħa tiegħu, Il-Partit Nazzjonalista ilu jappella sabiex iż-żrar li nfirex illegalment jitneħħa immedjatament ħalli s-sit jerġa’ lura għall-istat oriġinali tiegħu. U l-familji Maltin jerġgħu jibdew igawdu dan l-ispazju miftuħ.